Ritratti: Jasal cruiseliner f’Malta għall-ewwel darba minn Marzu

Jesmond Saliba

Dalgħodu wasal Malta l-MSC Grandiosa, l-ewwel cruiseliner li qed iżur il-gżira minn Marzu ‘l hawn, meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus.

Minkejja li l-port infetaħ fl-1 ta’ Lulju li għadda, s’issa ma kien sar ebda tbaħħir minn cruiseliners lejn Malta minħabba l-coronavirus. Issa dan huwa l-ewwel vapur bil-passiġġieri li qed iżur Malta f’ħames xhur. Wasal dalgħodu fil-Port il-Kbir.

Il-kumpanija MSC Cruises qed tuża protokolli fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà, kemm għall-passiġġieri, kif ukoll għal dawk li jaħdmu fuq ix-xatt. Il-protokolli jsegwu direttivi internazzjonali u reġjonali, kif ukoll gvernijiet tal-pajjiżi fejn qed joperaw. Il-protokolli tal-kumpanija MSC kienu ċertifikati mill-korporazzjoni ta’ ċertifikazzjoni medika RINA. 

Skont dawn il-protokolli, il-passiġġiera kollha qed jiġu ttestjati qabel jitilgħu abbord il-vapur u l-eskursjonijiet se jkunu kollha ikkontrollati biex jipproteġu l-komunitajiet tal-ibliet u portijiet li jżuru. Apparti minn hekk, passiġġiera li jaslu minn żoni meqjusa ta’ riskju, jintalbu jippreżentaw ċertifikat negattiv għall-coronavirus li jkun sar fit-72 siegħa ta’ qabel. 

Fis-6 ta’ Marzu li għadda, kienet ittieħdet id-deċiżjoni li vapur ieħor tal-kumpanija MSC, l-MSC Opera ma jitħalliex jidħol Malta wara li kien hemm pressjoni mill-unions tat-tobba u tal-infermiera.