Ritratti: Iż-żjara statali tal-President fl-Alġerija

Mal-wasla tagħha fl-Alġerija lbieraħ, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġiet milqugħa mill-President tal-Kunsill tan-nazzjon, Abdelkader Bensalah, li mexxa ċerimonja uffiċjali ta’ merħba.
Fl-ewwel impenn uffiċjali tagħha, il-President żaret il-monument ‘Maqam Echahid’, li jfakkar dawk li mietu fil-Gwerra għall-Indipendenza li ntemmet fl-1962.
Wara ċ-ċerimonja simbolika ħdejn il-monument tal-martri, żaret il-Mujahid Museum, fejn ingħatat informazzjoni dettaljata dwar l-istorja tal-Alġerija u ffirmat il-ktieb tal-viżitaturi.
Indirizzat ukoll il-Maltese-Algerian Business Forum fejn fost l-oħrajn semmiet l-istorja twila ta’ ħbiberija bejn Malta u l-Alġerija.  Qalet li l-istorja tmur lura għas-seklu 19, meta l-Alġerija kienet id-destinazzjoni preferuta mal-immigranti Maltin. Fl-1865 kienu marru l-Alġerija, 10,000 Malti.
Wara d-diskors tagħha, il-President kellha laqgħa informali mal-Prim Ministru tal-Alġerija, Abdelmalek Sellal, u ltaqgħet ukoll mal-membri tal-grupp parlamentari Alġerini.
Iltaqgħet ukoll mal-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu, Mohamed Larbi Ould Khelifa.
Ritratti: DOI – Omar Camilleri