Ritratti: Iż-żgħażagħ għandu jkollhom sehem importanti fil-Knisja – L-Isqof Galea-Curmi

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li ”iż-żgħażagħ m’għandhomx jirċievu biss fil-Knisja, imma għandu jkollhom sehem importanti.“ Huwa qal dan fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, waqt li kien qed jieħu sehem fil-konferenza annwali li l-Malta Catholic Youth Network (MCYN) fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, organizzat għal-leaders li jaħdmu maż-żgħażagħ. L-isem ta’ din il-konferenza annwali hu Plexus19.

L-Isqof Galea-Curmi żied li l-fatt li ż-żgħażagħ ikollhom sehem fil-Knisja jgħin biex huma wkoll iħossuhom parteċipi u jitgħallmu jerfgħu din ir-resposabbiltà f’dan l-istadju ta’ ħajjithom kif ukoll meta jsiru adulti. Kompla li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw aktar responsabbiltajiet u jiġu fdati, biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom f’ħidmiethom.

It-tema ta’ Plexus ta’ din is-sena kienet Pass Ieħor. Matul din il-konferenza l-parteċipanti iddiskutew diversi temi filwaqt li ġew imħeġġa jieħdu inizjattivi ġodda meta jippjanaw il-ħidma pastorali maż-żgħażagħ. Dan filwaqt li jpoġġu l-Evanġelju fiċ-ċentru ta’ ħidmiethom u tal-messaġġ li jwasslu. Kull parteċipant ingħata kopja ta’ ‘Christus Vivit’ (Kristu Jgħix), l-aħħar eżortazzjoni appostolika tal-Papa Franġisku liż-żgħazagħ u lill-poplu ta’ Alla.

Il-kelliema ewlenin f’din il-konferenza kienu Dr Nadia Delicata, delegat episkopali għall-Evanġelizzazzjoni u lettur fl-Università ta’ Malta; Rev. Dr John Berry, dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija; Dr Nicholas Briffa, psikologu u sesswologu; Fr Reuben Gauci, delegat għall-iżvilupp spiritwali fl-iskejjel; u Fr Martin Cilia MSSP, direttur tal-oratorju tal-MSSP f’Birkirkara.

Matul din il-konferenza saru diversi attivitajiet li fihom iż-żgħażagħ ingħataw diversi għodod tekniċi u soċjali dwar kif imexxu grupp ta’ żgħażagħ b’mod effettiv. Dawn l-attivitajiet saru mill-għaqda mhux governattiva STEPS. Il-konferenza ntemmet b’quddesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan, flimkien mal-komunità Ġiljaniża. Din il-Quddiesa ġiet iċċelebrata mill-Isqof Galea-Curmi.