Ritratti: “Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma” – sinjali quddiem il-Bank Pilatus u l-FIAU

Ir-#resistance.mt ħalliet sinjali b’messaġġi fuqhom mal-entraturi tal- Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) u l-Bank Pilatus matul il-lejl li għadda.
Dan wara li lbieraħ ġie arrestat is-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus, Iranjan ta’ 38 sena, f’Virginia, b’sitt akkużi serji fosthom ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tas-sanzjonijiet, frodi u ħasil tal-flus.
Fost il-messaġġi li tħallew, l-attivisti qalu li ‘ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma’ u li jridu li ssir ġustizzja sħiħa.
Sid il-bank Malti qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
B’dawn l-akkużi, il-Qorti Amerikana ta' Manhattan qed tgħid li jista’ jeħel sa 125 sena ħabs.
Sa xahrejn ilu, grupp ta' 22 Membru Parlamentari Ewropew kienu kitbu liċ-Ċerpersin tal-Awtorità Bankarja Ewropea fejn qalu li l-Bank Pilatus qed jimmina s-settur finanzjarju Ewropew.
Il-Bank Pilatus issemma f’diversi rapporti tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern li tinvestiga l-ħasil ta’ flus, b’konnessjoni ma’ akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus qabel l-elezzjoni.