Ritratti: Ivvandalizzata xbieha tal-Madonna; L-Isqof Grech jitlob għal min wettaq il-ħsara

Matul il-lejl li għadda, xi ħadd mhux magħruf ivvandalizza waħda mill-ħames affreski li jinsabu mat-triq li tagħti għas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma dan il-każ ma’ Newsbook.com.mt
Spjega li xi ħadd waddab xi ġebla lejn l-affresk u kisser il-ħġieġa li tinsab quddiemu.
Min-naħa tiegħu, l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech qal li qed ipoġġi taħt il-ħarsien tal-Madonna ta' Pinu lil min wettaq dan l-att vandalu.
Ħeġġeġ għall-koperazzjoni biex il-Pulizija twettaq l-istħarriġ tagħha.
Irringrazzja lil dawk kollha li wrew solidarjetà anke lill-Ministeru għal Għawdex. "Din is-sensibbiltà hi ħaġa pożittiva u tegħleb il-kruha tal-vandaliżmu," saħaq Monsinjur Grech
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex ikkundanna dan l-att vandalu.
Qal li għad hawn min jaħseb li bil-vandaliżmu jista’ jintimida jew ixekkel il-ħidma tal-istess Ministeru.
Dawn l-affreski, bl-isem ta’ ‘The Pilgrims’ Way’, huma xogħol tal-artist Sergio Favotto u kienu ngħataw bħala donazzjoni lis-Santwarju mill-artist innifsu.
Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ.
Ritratti: Terry Camilleri – MGOZ