Ritratti: It-tifel Malti li talab rigali għal ħutu se jferraħ għexieren ta’ tfal bla ma jaf

Xewqa ta’ tifel ta’ 8 snin, li talab l-għajnuna biex ħutu ż-żgħar jirċievu rigal tal-Milied, se tkun qed issir realtà iżda aktar minn hekk se jkun qed iferraħ għadd akbar ta’ tfal.
Wara li Newsbook.com.mt xandar l-appell li kien għamel dan it-tifel, għadd ta’ nies kienu wrew ix-xewqa li jgħinu. Fil-fatt, Josette Busuttill, li kienet qed tieħu ħsieb tiġbor dawn ir-rigali, qalet ma’ Newsbook.com.mt li għandha l-uffiċċju “mifqugħ bir-rigali.”
Għalhekk, apparti t-tifel ta’ 8 snin u ħutu ż-żgħar, ir-rigali se jkunu qed jitqassmu fi tlett idjar tat-tfal, lit-tfal residenti f’Dar Merħba Bik u anke għadd ta’ familji oħra li għandhom bżonn l-għajnuna.
Josette Busuttil kienet tefgħet il-post bil-messaġġ imqanqal ta’ dan it-tifel ta’ 8 snin li nhar il-Milied iħossu fid-dmir li jferraħ lil ħutu ta’ 3 u 6 snin.
Dan it-tifel kiteb lil Josette Busuttil biex jgħidilha li “l-Milied mhux se jkun wieħed tajjeb għax il-papà għandu bżonn kura barra minn barra u issa anke l-mama mardet.”
Għalhekk omm u missier dan it-tifel ma jaffordjawx jixtru r-rigali u kien għalhekk li ħassu fid-dmir li jferraħ hu lill-ħutu ż-żgħar.
“Bħala l-big brother nixtieq ngħinhom jiena,” kien kiteb it-tifel. “Naf li tista’ tferraħ lil ħuti.”
Newsbook.com.mt kien irċieva wkoll mingħand il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li kienet qalet li se tkun qed tagħmel minn kollox biex dawn it-tfal ikollhom mhux biss rigali, imma anke dak li hu bżonnjuż għalihom.
L-istess Fondazzjoni, li tgħin tfal vulnerabbli tul is-sena kollha, għandha proġett bl-isem ta’ Children’s Dreams li permezz tiegħu tfal jirċievu rigali mogħtija lilhom minn individwi u anke kumpaniji Maltin.