Ritratti: It-tieni lanċa tal-irmonk f’Malta tissemma Vittoriosa

DOI: Reuben Piscopo

Ġiet inawgurata t-tieni minn tliet laneċ tal-irmonk, u ssemmiet Vittoriosa, isem addattat għall-post li ġiet inawgurata fih, fix-Xatt tal-Birgu. Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg inawgura din il-lanċa wara li s-sena li għaddiet ġiet inawgurata l-ewwel waħda, St Angelo. Dawn il-laneċ kienu kommessi minn Tug Malta fl-2017 bħala parti minn investiment ta’ €24 miljun.

Il-Ministru Borg qal li hu ta’ sodisfazzjon għalih li jara daqshekk investiment fl-industrija. Din il-lanċa se tintuża biex isservi l-jottijiet lussużi. Borg qal li investiment bħal dan huwa essenzjali minħabba s-suċċess tal-industrija ta’ dawn il-jottijiet, li żdiedu b’90% tul l-aħħar ħames snin.

Il-lanċa l-ġdida ngħatat isem mis-Sa Rachelle Borg Dingli u tbierket minn Rev. Can. Karm Busuttil, l-Arċipriet tal-Birgu, fil-preżenza ta’ Dr Giovanni Dellepiane – il-President ta’ Rimorchiatori Riuniti Group, id-Direttur u Chairman tal-istess kumpanija, Dr Gregorio Gavarone, is-Sur John E Sullivan – Chairman ta’ Tug Malta Ltd u membri oħrajn.

Vittoriosa għandha ġibda ta’ 81 tunellata fuq il-bitta. Ġiet iddisinjata minn Robert Allan u twasslet Malta minn Med Marine Shipyard li tinsab f’Eregli fuq il-Baħar l-Iswed fit-Turkija. Il-bastiment huwa 29.7m bi 13.3m, b’magni prinċipali twin MTU 16v4000M65L, li kull waħda ttella’ 2,560kW, flimkien ma’ sistemi li jimbuttaw tar-Rolls-Royce. Il-bastiment hu rreġistrat taħt il-bandiera Maltija u mgħammar b’sistema Class 1 ta’ kontra n-nirien u b’tagħmir li jipprovdi kapaċitajiet ta’ reazzjoni u sigurtà standby għall-emerġenza kif ukoll ambjentali, fil-portijiet lokali u l-ilmijiet kostali ta’ Malta.