It-tfal għad m’għandhomx fejn jilagħbu f’San Pawl il-Baħar

Il-bandli qrib l-iskola f’San Pawl il-Baħar għadhom fi stat mitluq. Dan hekk kif il-ħitan qrib il-bandli huma ta' periklu, filwaqt li l-istruttura tal-bandli hija msadda u m’hemmx fejn jilagħbu t-tfal, minħabba li tneħħew parti mill-bandli.
Din il-lokalità ilha mingħajr bandli għal dawn l-aħħar tliet snin
Sa ġimgħatejn ilu, kien hemm arblu f’nofs il-parkeġġ li kien ta’ ostaklu għal min ried jipparkja l-vettura tiegħu.
Madankollu, residenti lmentaw li filgħaxija ma jkunx hemm dawl fiż-żona.
Nies li jiffrekwentaw il-post qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-latrina ma tistax tintuża minħabba r-riħa tinten li jkun hemm fiha, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ indafa li hemm. Dawn jibqgħu miftuħa bil-lejl u ma jkunx hemm dawl fihom.
F’ritratti li ntbgħatu lil Newsbook.com.mt jidher ħajt qrib il-bandli b’karikaturi indiċenti fuqu.
Kien hemm ukoll ilmenti dwar serq fil-parkeġġ u li persuni mhux magħrufa jippruvaw jiftħu xi karozzi.
F’seduta parlamentari f’Mejju li għadda, id-Deputat Membru Parlmentari Ċensu Galea staqsa meta kienet l-aħħar darba li saret manutenzjoni f’postijiet pubbliċi fejn jilgħabu t-tfal f’San Pawl il-Baħar, u għal liem raġuni m’għadhomx jintużaw postijiet oħra.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici wieġeb li hemm tliet postijiet pubbliċi fil-lokalità u li Ġnien Bertu u Tumas Gauci m’għadux jintuża. 

Ritratti fuq info@newsbook.com.mt