Ritratti: It-tfal f’periklu minħabba nuqqas ta’ fondi

Minkejja li bħalissa s-sit tal-bandli fir-Rabat Għawdex jinsab magħluq għall-pubbliku minħabba nuqqas ta' fondi, xorta seta’ jiġi aċċessat mill-familji li ġew esposti għal numru ta' perikli.
Wara ftit jiem li Newsbook.com.mt beda jibgħat mistoqsijiet lill-awtoritajiet responsabbli, is-sit ġie magħluq b’katnazz.
Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku tal-Belt Victoria Samuel Azzopardi, li qal li n-nuqqas ta’ fondi mhux qed jippermettu li ssir il-manutenzjoni meħtieġa. 
Spjega kif madwar €100,000 li kienu mwiegħda mill-Gvern Ċentrali ma rrealizzawx. Stqarr li l-proġett totali kellu jiswa aktar minn €600,000:

  • €350,000 minn fondi tal-Unjoni Ewropea
  • €100,000 minn fondi ċentrali (li ma mmaterjalizzawx)
  • €150,000 mill-Kunsill Lokali

Is-Sindku spjega kif ix-xogħlijiet bdew lejn nofs l-2015, bit-tieni fażi tal-proġett tlestiet f’Jannar tal-2016.
Azzopardi qal li l-bandli se jibqgħu magħluqa sakemm isir fence tal-ħadid li għandu jkun lest sal-aħħar tas-sena.
Perikli u ostakli fil-bandli
Ritratti meħudin juru għadd ta’ perikli u ostakli oħra li jinsabu fil-bandli. Fil-ġurnata li ttieħdu dawn ir-ritratti, il-bieb tal-bandli kien miftuħ beraħ, u r-ritratti juru wkoll tfal li kienu qed jilagħbu f’dan il-post.
Newsbook.com.mt kien bagħat ukoll domandi relatati max-xogħlijiet li qed isiru lill-Ministeru għal Għawdex. L-istess Ministeru qal li peress li dan il-proġett huwa wieħed tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, allura dawn id-domandi għandhom jiġu diretti lejn il-Kunsill. Skont il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, l-art hi devoluta favur il-Kunsill.
Chris Said jistaqsi x’sar dwar l-iskola proposta
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Membru Parlamentari (MP) tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li l-Gvern ilu jwiegħed skola primarja ġdida fir-Rabat għal erba’ snin. Said stqarr li l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien qed jgħid b’mod kategoriku li din se tinbena flok parti mill-playing field tar-Rabat. L-MP qal li għall-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lil Bartolo, dan qallu li għadhom ma jafux fejn se jibnu din l-iskola.