Ritratti: It-tbatija taż-żgħażagħ fi ħsieb l-Arċisqof waqt il-Via Sacra

L-Arċisqof Charles Scicluna fakkar fit-tbatija taż-żgħażagħ li għaddejjin minn mumenti partikolari f’ħajjithom u talab biex dejjem ikollhom it-tama.
F’messaġġ fi tmiem il-Via Sacra Djoċesana quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, li matulha spikkat il-preżenza u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, l-Arċisqof semma diversi realtajiet li żgħażagħ jinsabu fihom.
Minbarra dawk li Alla qed isejjaħ għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża, Mons. Scicluna ftakar fl-istudenti li qed iħejju ruħhom għall-eżamijiet, dawk f’xi faċilità korrettiva u oħrajn f’xi faċilità ta’ riabilitazzjoni mid-droga jew dipendenzi oħra, dawk li qegħdin l-isptar għall-kura, iż-żgħażagħ fl-iskejjel u dawk fil-postijiet tad-divertiment u fil-familji.
Ir-riflessjonijiet tal-Via Sacra saru miż-żgħażagħ fuq talba tal-Arċisqof.
Iż-żgħażagħ qed ikunu fil-qofol tal-ħsibijiet u l-ħidma tal-Arċisqof Scicluna, fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ imsejjaħ mill-Papa Franġisku, li se jsir f’Ottubru li ġej fil-Vatikan.

Fl-aħħar jiem, Mons. Scicluna żar lill-priġunieri żgħażagħ fil-faċilità tal-CoRSS fl-Imtaħleb.
L-Arċisqof temm il-messaġġ tiegħu billi ħeġġeġ lil kulħadd jattendi bi ħġaru għall-funzjonijiet tat-tlett ijiem li ġejjin.
Flimkien mal-Arċisqof, imexxu l-Via Sacra kien hemm l-Arċisqof Emeritu, Mons. Pawlu Cremona u l-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi.
Ritratti: Knisja f'Malta – INP