Ritratti: Is-sorijiet tal-klawsura jarmaw għall-festa

Is-sorijiet tal-Monasteru ta' Santa Ursola tal-Belt Valletta xammru l-kmiem u bdew jarmaw il-knisja tagħhom għall-festa li jiċċelebraw il-ġimgħa d-dieħla.
Dan l-aħħar, dawn is-sorijiet tal-klawsura, fetħu l-bibien tal-Monasteru għall-kulħadd permezz ta' Facebook.
Iva! Is-sorijiet tal-klawsura għandhom paġna fuq Facebook.
Ta' sikwit, permezz ta' xi filmat, is-sorijiet idawru lil dak li jkun madwar il-kunvent u jbexxqu tieqa fuq il-ħajja tagħhom fis-skiet tal-Monasteru.
Ma jonqosx ukoll xi ħsieb tal-jum u riflessjoni fuq l-Evanġelju tal-Ħadd.
Illum is-sorijiet tefgħu r-ritratti tagħhom jarmaw il-knisja għall-festa ta' Santa Ursola, flimkien ma' xi voluntiera.
Din il-knisja hija miftuħa għall-pubbliku u għall-festa jista' jattendi kulħadd.
Nhar il-Ġimgħa 20 ta' Ottubru jkun hemm it-translazzjoni tar-relikwa u wara quddiesa animata mis-sorijiet fis-6:00pm.
L-għada, fl-istess ħin, ikun hemm il-quddiesa solenni tal-festa mmexxija mill-Kappillan tal-Monasteru, Patri Twanny Chircop OFM.