L-istrixxuni sfida u provokazzjoni – Jason Micallef

Fuq Facebook, iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li l-istrixxuni bil-kliem “il silenzio è mafia” (is-silenzju huwa mafja) tpoġġew mill-għaqda “il-Kenniesa” biex jisfidaw u jipprovokaw.
F’għeluq is-sitt xhur mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, persuni mhux magħrufa għal xahar ieħor reġgħu waħħlu strixxuni ma’ wħud mit-toroq arterjali. L-istrixxuni dehru fit-toroq tal-Marsa, Santa Venera u l-Furjana.
Skont Micallef dawn l-istrixxuni tpoġġew illegalment fuq strixxuni tal-Valletta 2018. “Il-liġi f'Malta teżisti, u teżisti l-istess għal kulħadd. Dan l-abbuż se jitneħħa immedjatamemt” żied jgħid Micallef.
Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata ftit ‘il bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija, fis-16 ta’ Ottubru 2017.
It-twaħħil ta’ strixxuni sar sinonimu mal-lejl ta’ qabel għeluq ix-xahar mill-assassinju.
Għada l-Arċisqof Charles Scicluna se jqaddes quddiesa li se tiġi segwita minn vġili. Il-Quddiesa se ssir fis-6pm fil-Knisja ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta. Il-vġili ssir quddiem il-Qorti fis-7pm.