Ritratti: Irrestawrata ċ-ċella fejn inżamm arrestat Mikiel Anton Vassalli

Marie-Louise Coleiro Preca / Facebook

Fis-serata tat-tnedija tal-ktieb Fuq il-Passi ta’ Vassalli fejn inkixfet ukoll lapida kommemorattiva fl-għeluq tal-190 sena minn mewt il-missier tal-lingwa Maltija, Mikiel Anton Vassalli, dawk mistiedna kellhom iċ-ċans li jidħlu fiċ-ċella fejn huwa nżamm arrestat bejn it-28 ta’ Settembru u t-18 ta’ Ottubru 1799.

Is-serata ġiet organizzata mill-Akkademja tal-Malti u mill-Uffiċċju tal-President. Il-ktieb Fuq il-Passi ta’ Vassalli, li l-editur tiegħu huwa s-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, Joseph P. Borg, ġie ppubblikat mill-Klabb Kotba Maltin, u jinkludi 36 kontribuzzjoni li jitfgħu dawl ġdid fuq il-persunaġġ Malti. Jinkludi wkoll riproduzzjoni tal-ktejjeb rari Alfabeto Maltese.

Waqt is-serata tkellmu l-Mons. Lawrenz Cachia, is-Sur Liam Gauci, u nqara d-diskors ta’ Prof. Frans Ciappara mill-attriċi Karmen Azzopardi, li hija dixxendenti ta’ Vassalli stess. Il-Professur Manwel Mifsud qara żewġ kitbiet ta’ Vassalli, Stedina u Lill-Malti li Qiegħed Jaqra bil-mod kif kien intenzjonat li jitlissen minn Vassalli stess. Iċ-ċella fejn inżamm Vassalli fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard ġiet restawrata mill-Uffiċċju tal-President apposta għall-anniversarju, u wara s-serata, dawk preżenti setgħu jidħlu fiha.

Restawr taċ-Ċella ta' Mikiel Anton Vassalli fil-Palazz ta' Sant' Anton

Bejn it-28 ta' Settembru u t-18 ta' Ottubru 1799, f'ċella, fil-Palazz ta' Sant' Anton, Mikiel Anton Vassalli bata l-jasar, il-ġuħ u l-umiljazzjoni għall-ideali ħiela tiegħu, u għal imħabbtu lejn art twelidu li ma' għarfitux. Din iċ-ċella ġiet irrestawrata mill-ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tal-President f'għeluq il-190 sena minn mewtu.

Posted by Marie-Louise Coleiro Preca on Saturday, January 26, 2019

Min jixtieq jakkwista l-ktieb jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit tal-Klabb Kotba Maltin.