Ritratti: Ir-riħ qawwi jagħmel ħerba

Ritratt: Ian Micallef via Facebook

Mewġ b’saħħtu li ħakem il-Lvant lill-gżejjer Maltin ħalla ħerba warajħ. Għadd ta’ dgħajjes sfaw imkissra minħabba l-maltemp.  Ix-Xemxija, kienet fost l-aktar lokalitajiet li sofrew ħsara, fejn uħud mid-dgħajjes spiċċaw tkissru mal-blat.

Fuq grupp fuq facebook, Ian Micallef tella’ diversi ritratti ta’ dgħajjes fix-Xemxija aktar kmieni illum.

L-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC) wissiet lill-għawwiema kollha dwar baħar qawwi u perikoluż.

Il-bieraħ filgħaxija numru ta’ dgħajjes spiċċaw fuq ir-ramel fix-Xemxija, skont persuna li poġġiet filmati tal-maltemp fuq Facebook. Dan filwaqt li matul il-lejl li għadda, raġel ġie salvat permezz ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati mill-baħar imqalleb fi Spinola f’ San Ġiljan.

Il-bieraħ, l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija ta’ riħ mill-Grieg Lvant qawwi. Ir-riħ qed jonfoħ b’forza sitta. L-għaqda Malta Red Cross qalet li minħabba r-riħ diversi stazzjonijiet tal-lifeguards qed juru bandiera ħamra doppja.