Ritratti: Ir-Rettur iwissi dwar serq ta’ xogħol mill-istudenti universitarji

Hekk kif illum l-Università ta’ Malta fetħet il-bibien għal aktar minn 11,700 student, ir-Rettur il-Professur Alfred J. Vella wissa dwar il-problema tal-pjaġjariżmu u ddeskriviha bħala “tentazzjoni li dejjem tiżdied.”
Waqt id-diskors tiegħu, ir-Rettur saħaq li iżjed ma jiżdiedu dawk ir-riżorsi aċċessibbli fuq l-internet, aktar u aktar qed jiżdied il-plaġjariżmu.
Ir-Rettur tkellem dwar l-importanza tar-riċerka li hu l-bżonn li wieħed jistaqsi l-ħin kollu dak li jaf.
Saħaq li r-riċerka ma għandhiex tindirizza biss il-bżonnijiet “iddettati” mill-industrija.
Ikkwota x-xogħol viżjonarju ta’ Wilhelm von Humboldt u argumenta li l-għerf huwa xi ħaġa li għadha ma ġietx skoperta kollha u li qatt mhu se tkun skoperta kompletament.
Temm jisħaq li l-gradwazzjoni mhux mixja fil-kampanja imma għandha tinvolvi bilanċ bejn l-istudju, ir-riċerka u l-involviment fil-ħajja tal-istudent.
Dawn kollha, saħaq il-Professur Vella, jistgħu jgħinu lill-istudenti jaslu għall-għan akkademiku tagħhom.
Fost l-istudenti l-ġodda, 4,834 student huma rġiel filwaqt li 6,899 huma nisa. B’kollox dawn qed isegwu 942 kors.
Matul din is-sena, l-Università se tkun qed toffri għadd ta’ korsijiet ġodda (il-lista sħiħa tista’ ssibha fid-dokument ta’ hawn taħ).
Apparti minn hekk l-Università ta’ Malta libset libsa ġdida.
Fost dawn inbidel il-logo, minkejja li l-karatteristiċi ewlenin jibqgħu dawk ispirati mill-Arma tal-Gran Mastru Pinto.
Aqra hawn id-diskors tar-rettur u l-lista tal-korsijiet il-ġodda.