Ritratti: Ir-restawr tal-eqdem binja fil-Belt jitlesta 3 snin oħra

Il-Knisja tal-Vitorja, li tinsab maġenb Kastilja, hija l-eqdem binja tal-Belt Valletta u r-restawr fuqha mistenni jitlesta sal-aħħar tal-2016. Din il-Knisja filwaqt li hi l-ewwel Knisja tal-Belt Valletta kienet l-ewwel post li fih indifen il-Gran Mastru tal-Assedju l-Kbir, Jean Parisot de Valette.

Bir li nstab ftit tal-jiem ilu meta nqala’ l-madum ta’ maġemb is-sagristija hu wieħed mill-iktar attrazzjonijiet interresanti tal-Knisja. X’aktarx li dan il-bir huwa l-ewwel wieħed fil-Belt Valletta. 

Dalgħodu l-Kap Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa, Simone Mizzi laqgħet lill-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Muscat, waqt żjara li għamlu lix-xogħol ta’ restawr.

Fost il-proġetti li għaddejin bħalissa fil-Knisja tal-Vitorja hemm:

  • Ir-restawr tal-pittura tas-saqaf tal-artist Alessio Erardi.
  • Ir-restawr tal-bċejjeċ tal-arti kollha li jinstabu fil-Knisja u l-kontenut storiku tagħha.
  • Ir-restawr tal-monumenti li jżejjnu l-Knisja u l-artali.
  • Interpretazzjoni, gwidi, kotba u reklamar.
  • Sistema tal-elettriku ġdida li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.
  • Għatu xieraq għall-kripta fejn indifen oriġinarjament il-Gran Mastru de Vallette.
  • Ir-Restawr fuq il-kaxxi tal-orgni.
  • Restawr fuq is-sagristija, u postijiet fejn jitpoġġew għall-wiri oġġetti li jintużaw fil-Knisja.

Simone Mizzi qalet li l-Knisja tal-Vitorja ngħatat lil Din l-Art Ħelwa fit-8 ta’ Settembru tal-2011, u minn dakinhar bdiet il-ħidma biex titwaqqaf il-ħsara li kienet qed issir fuq il-pittura u l-bini tal-Knisja. F’Jannar tal-2011 saret talba għall-fondi u s’issa intefqu madwar €250,000.

Intant wara li ffirma l-ktieb tal-viżitaturi, l-Prim Ministru qal li dan huwa teżor kbir li qed jerġa’ jieħu l-ħajja u rringrazja lill-organizazzjoni Din l-Art Ħelwa tax-xogħol tagħha.