Ritratti: Ir-restawr tar-Redentur tal-Isla se jiġi inawgurat

L-istatwa devota ta’ Ġesù Redentur se tiġi inawgurata mill-ġdid nhar is-Sibt li ġej, wara x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li sarilha.
Dan wara li l-Parroċċa ta’ Marija Bambina kkummissjonat numru ta’ studji xjentifiċi sabiex isir ir-restawr u l-konservazzjoni tal-istatwa li beda f’Mejju tas-sena li għaddiet. Bħalissa qed issir l-aħħar fażi tal-istudju fuq in-niċċa.
Matul ir-Randan kollu l-istatwa se tkun għall-qima u d-devozzjoni tal-pubbliku fil-Bażilika tal-Isla.
Sadanittant, il-Ġimgħa, 9 ta’ Marzu, fis-6pm l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi l-pellegrinaġġ bl-istatwa tar-Redentur, u wara jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika stess.
Wara l-Ġimgħa Mqaddsa se jsir trattament ta’ anoxia fuq din x-xbieha, jiġifieri jitneħħielha l-ossiġnu.
Għalhekk, matul April, ir-Redentur mhux se jkun espost għall-qima tal-pubbliku.
Se jiġi ppubblikat ukoll ktieb bit-titlu Ir-Redentur: History, Art, and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea, b’informazzjoni b’rabta mal-proċess kollu tar-restawr u x-xogħol fuq din il-vara.
Il-ktieb se jinkludi wkoll dokumentazzjoni storika marbuta mal-istatwa fil-kuntest tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Isla.
L-inawgurazzjoni tal-istatwa se ssir fil-Bażilika tal-Isla fil-5.30pm.