​Ritratti: Ir-Redentur tal-Isla jirringrazzja lid-Dwana ta’ Malta

Din is-sena l-istatwa tar-Redentur tal-Isla mhux ħierġa għall-purċissjoni ta' Ġunju għax qed isir xogħol ta’ restawr fuqha. Iżda fiex tidħol id-Dwana ta’ Malta?
Kienet id-Dwana ta’ Malta li offriet il-magna tal-xrays tagħha biex isir magħruf aħjar l-istruttura u l-istat intern tal-istatwa. Għalhekk ftit ilu, l-istatwa tar-Redentur kienet ġiet trasportata matul il-lejl mill-Isla lejn Ħal Far fejn ittieħdulha l-xrays meħtieġa.
Il-proċess kollu ta’ restawr mistenni jiswa ‘l fuq minn €40,000. Wara l-xray, irriżulta li l-intern tal-vara tar-Redentur għadu fi stat tajjeb ħafna.  Madankollu t-tunika u partijiet oħra fuq barra fihom brix u qsim.
Id-Dipartiment tad-Dwana qal li huwa kburi li kien f’pożiżżjoni li jgħin b’mod tanġibbli f’din il-ħidma ta’ restawr daqstant delikata u sensittiva.
Minħabba li r-restawr se jieħu 9 xhur biex jitlesta, se titħassar il-purċissjoni li ssir f’Ġunju. Din tal-aħħar hija purċissjoni li kienet bdiet madwar mitejn sena ilu bħala wegħda reliġjuża biex l-Isla tinħeles mill-pesta li kienet qed tikkawża ħerba sħiha fil-gżejjer Maltin.
Ritratti: Dwana ta' Malta