Ritratti: Ir-radiographers jingħaqdu biex jiġbru fondi għall-pazjenti tal-kanċer

Għadd ta’ radiographers u studenti tar-radiography ġabru flus għall-fondazzjoni Smiling with Jerome li taħdem għal pazjenti tal-kanċer.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji għar-Radiography fit-8 ta’ Novembru, ġie organizzat bake sale b’risq din il-fondazzjoni.

Fit-8 ta’ Novembru jaħbat l-anniversarju tal-iskoperta tal-x-ray minn Wilhelm Roetgen fl-1895. L-irwol prinċipali tar-radiographers huwa li jieħdu stampi dijanostiċi u jippjanaw t-terapija bir-radjazzjoni għall-pazjenti tal-kanċer fost affarijiet oħra.

Għadd ta’ radiographers u studenti organizzaw Bake Sale li fih biegħu xi pasti lill-ħaddiema u lill-pazjenti fil-Fakultà għax-Xjenzi tas-Saħħa u fid-Dipartiment tar-Radiotherapy. B’kollox inġabru €1,210 li ngħataw lill-Smiling with Jerome Foundation.

L-attività saret f’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tar-Radiotherapy fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC), il-Medical Imaging Department f’Mater Dei, id-Dipartiment tar-Radiography tal-Università ta’ Malta, il-Malta Health Students’ Association (MHSA), u s-Society of Medical Radiographers (SRM).

Skont is-sit tagħha, Smiling with Jerome Foundation tgħid li l-missjoni tagħha hi li tipprovdi appoġġ li dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċili – speċjalment dawk li għandhom il-kanċer u mard serju ieħor.

F’Mejju li għadda l-familja ta’ Jerome Frendo, żagħżugħ li kellu l-marda tal-kanċer u li ħadem qatigħ sabiex iqajjem kuxjenza u jiġbor fondi għal dawk li jbatu mill-marda, iltaqgħet mal-Papa Franġisku f’Ruma. B’hekk, familt Jerome rnexxielha twettaq il-ħolma taż-żagħżugħ li miet fl-2017, fl-età ta’ 20 sena.

Il-ħolma ta’ Jerome titwettaq wara mewtu; familtu tiltaqa’ mal-Papa

Lura fl-2017, Newsbook.com.mt kien iltaqa’ ma’ radiographer li spjega kif il-professjonisti jridu jibqgħu sodi u ma jistgħux iħallu l-emozzjonijiet jifxluhom.

Filmat: “Ma nistgħux inħallu l-emozzjonijiet ifixkluna”