Ritratti: Ir-raba’ round tal-ICC Enemed Hillclimb Championship

Ritratt: DLP Automotive

Read in English.

Il-Ħadd 25 ta‘ Ottubru l-Island Car Club organizza r-raba’ round tal-kampjonat nazzjonali Enemed Hillclimb Championship ġewwa il-Miżieb, limiti tal-Mellieħa.

Minn ġimgħa qabel bdew il-preparamenti fil-post, bejn tindif kif ukoll żdiedet is-sigurtá mat-triq sabiex il-Ħadd filgħodu madwar 60 sewwieq iltaqgħu bil-karozzi tagħhom biex jisfidaw it-telgħa li tispiċċa fi Triq Lewis Wettinger, jew kif inhi magħrufa bħalha l-bypass tal-Mellieħa.

Bħal fit-tlett rounds preċedenti s-sewwieqa kkompetew f’diversi gruppi skond it-tip ta’ karozza u f’diversi klassijiet skond id-daqs tal-magna.

Matthias Vella u Joe Anastasi rebħu t-trofew għall-iżgħar sewwieq u l-aktar wieħed anzjan rispettivament. Vella kien l-iktar sewwieq veloċi fil-klassi magħrufa bħalha Guest Class. Ian Lawson, Dorian Galea u Andrea Scicluna rebħu 3 klassijiet speċjali, il-klassi għal karozzi ta’ qabel il-gwerra, il-klassi tad-Drifting u dik tal-Autocross.

Klassi tlieta, erbgħa u ħamsa tal-karozzi tat-triq intrebħu minn Aaron Refalo, Chris Tabone u Robert Muscat. Żewġ klassijiet għall-karozzi klassiċi, waħda għal dawk oriġinali u l-oħra għal dawk modifikati ntrebħu minn Jonathan Grech u Michael Pace.

Ir-raba klassi tal-ewwel grupp intrebħet minn Stephen Micallef. It-tielet u t-tieni klassi tat-tieni grupp intrebħu minn Etienne Grech u Edmond Azzopardi. L-ewwel klassi ta’ grupp 4 intrebħet minn Joshua Anastasi filwaqt li l-ħames klassi ta’ grupp ħamsa ntrebħet minn James Dunford.

Roswell Bugeja rebaħ it-tieni klassi ta’ grupp tlieta u kien l-iktar veloċi fost il-karozzi li jingranaw fuq quddiem. Joseph Cutajar rebaħ it-tielet klassi tar-raba’ grupp u kien l-iktar sewwieq veloċi b’karozza li tingrana fuq wara. David Galea rebaħ it-tielet klassi ta’ grupp tlieta u kien l-iktar sewwieq veloċi fuq karozza li tingrana fuq l-erba roti. Mauro Portelli u Kenneth Camilleri rebħu l-ewwel u t-tieni klassi ta’ grupp sitta.

Fost l-ewwel tlett sewwieqa f’dan ir-raba round rajna għal-ewwel darba lill Matthew Zammit jirbaħ ir-raba klassi ta grupp ħamsa u jispiċċa fit-tielet post fost is-sewwieqa kollha. Fit-tieni post spiċċa Keith Camilleri li rebaħ ukoll it-tielet klassi ta grupp ħamsa, filwaqt li Darren Camilleri rebaħ ir-raba klassi ta grupp 6, spiċċa fl-ewwel post bħalha l-aktar sewwieq veloċi tal-ġurnata u b’hekk rebaħ dan ir-raba round.

Ir-round li jmiss, li jiġi il-ħames wieħed tal-kampjonat mistenni jsir ġewwa il-Ġnejna limiti tal-Mġarr Malta, il-Ħadd 8 ta’ Novembru.

Dan it-tagħrif twassal minn motors.mt