Ritratti: Iqabbdu knisja tal-Arċisqof Frendo fl-Albanija; Appell għall-għajnuna

Nirien ħakmu l-Knisja tad-Dumnikani f’Durres fl-Albanija, li l-kappillan tagħha huwa l-Malti, Patri Bernard Caruana.
Il-Knisja taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Arċisqof Malti Ġorġ Frendo, li żar il-Knisja flimkien mal-Isqof tad-Djoċesi ta’ Rreshen.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Patri Bernard Caruana li stqarr kif f’nofs ta’ lejl, propjament fis-1am, irċieva telefonata mill-Pulizija u l-membri tat-tifi tan-nar, li qalulu li xi ħadd kien ta n-nar lill-bieb prinċipali tal-Knisja.
Spjega kif daħal magħhom min-naħa ta’ wara tal-Knisja u sabuha “daħna waħda”.
Il-Kappillan Malti żied jgħid li n-nar tqabbad permezz ta’ tyre u ftit karti, u kkawża “ħsara kbira lil bieb li jrid jinbidel kollu, kif ukoll lill-istruttura tal-Knisja kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa”.
Patri Bernard għamel appell imqanqal għall-għajnuna biex tkun tista’ titranġa l-ħsara.
Wieħed jista’ jikkuntattjah fuq Facebook inkella permezz ta’ Whatsapp fuq 00355692528014.
Skont il-midja internazzjonali, hemm suspett li n-nar tqabbad apposta, bil-Pulizija qed taħdem biex tidentifika u taqbad lil min wettaq dan l-att. Dwar il-każ infetħet inkjesta.