Ritratti: Investigazzjoni dwar l-annimali li ddaħħlu minn Sqallija

Konsenja ta’ annimali salvaġġi nqabdu jiddaħħlu Malta b’kuntrabandu.

L-annimali kienu 6 fkieren tal-ilma, żrinġ, u numru ta’ invertebrati: brimb, larva tal-mazzarell, larva tal-farfett, u ħanfusa tal-ilma. Dawn ġew identifikati bħala speċi li l-importazzjoni u l-pussess tagħhom hija ristretta b’liġi internazzjonali, Ewropea u domestika.

Barra minn hekk, dawn l-ispeċi jheddu l-ispeċi Maltin, hekk kif jistgħu jipproduċu ma’ speċi lokali, jew joħolqu popolazzjoni b’saħħitha. B’hekk, ġew miżmuma għall-iżjed investigazzjonijiet.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li qed taħdem mal-Uffiċċju tad-Dwana u mad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti biex jinvestigaw dan il-każ ta’ kuntrabandu.

Id-Dwana flimkien mal-Pulizija waqqfu l-konsenja fil-21 ta’ Jannar, wara li ġew lura żewġ Maltin minn Sqallija. L-annimali nstabu wara li fittxewlhom il-vettura wara li waslu bil-vapur minn Pozzallo.