Ritratti: Inkredibbli! Dawn mhux tewmin … waħda minnhom bla ħajja!

Meta tara dan ir-ritratt taħseb li qed tara tewmin bil-kelb tewmi tagħhom. Imma dan mhux il-każ! Waħda mill-figuri hija magħmula mix-xogħol tal-ganċ.

Dan hu xogħol ta’ mara mill-Finlandja li qed tagħmel persuni bix-xogħol tal-ganċ li huma replika preċiża ta’ dawk il-persuni li tiltaqa’ magħhom fir-raħal ta’ Hameenkyro fejn tgħix. Liisa Hietanen bħala bażi tuża l-metall imbagħad tiksihom b’xogħol bil-ganċu meta tlestihom, x’ħin tarahom mill-bogħod, lanqas temmen li dawn ma jkunux persuni reali tad-demm u l-laħam.

Liisa Hietanen, li għandha 39 sena,  tgħid li bi-teknika artistika tagħha trid toħloq ir-raħal li tgħix fih kif hi tixtieq tarah.

“Meta nlesti figura,” tgħid il-mara, “din tkun tissimbolizza esperjenza, anki jekk ma nkunx naf min hi. Jien inkun nuri l-mument preżenti imma fl-istess waqt noħroġ dak li hu komuni madwarna.”

Meta wieħed jara dak li toħloq bis-saħħa tal-ganċ u tas-suf wieħed jibqa’ msaħħar bil-ħila ta’ din il-mara li minn oġġetti bla ħajja kapaċi tagħtihom il-ħajja li jkunu jixtiequ li jkollhom. Hija ddum xahrejn biex tlesti figura sħiħa.

Fir-ritratti li qed taraw ma jkunx possibbli għalikom li tagħrfu mill-ewwel fejn jidhru żewġ persuni min hi l-persuna reali u min hi maħluqa minn Liisa Hietanen.