Ritratti: Inħoloq periklu għal xejn – Residenti fil-Fgura

Residenti fil-Fgura li jgħixu fi Triq is-Sur u fi Vjal il-Kottoner qalu ma’ Newsbook.com.mt li ma jistgħux jifhmu għaliex il-Kunsill Lokali iddeċieda li joħloq periklu bla bżonn meta ddeċieda li jiftaħ parti minn central strip għall-vetturi.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fil-jiem li għaddew, sar tibdil fil-pjazza Kunsill tal-Ewropa fil-Fgura, fejn parti minn central strip infetħet biex dawk li jkunu ġejjin minn Bormla jew Ħaż-Żabbar iduru lejn Triq is-Sur.
Ir-residenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li filwaqt li jaqblu li parti minn Triq is-Sur issir one way ma jaqblux li kellha tinfetaħ din is-central strip għaliex se toħloq inkovenjenzi għalxejn.
Uħud qalu li b’dan il-mod il-Kunsill issanzjona l-ipparkjar doppju tal-karozzi u l-vannijiet iżda ma solviex il-problema tal-parkeġġ.
Jirriżulta li ż-żona hija mgħassa bil-kameras 24 siegħa kuljum iżda kien hemm min uża s-central strip flok roundabout biex jdur fid-direzzjoni opposta lura fi Vjal il-Kottoner.
Oħrajn qalu li dawk li jkunu ġejjin minn Triq Hompesch qed isibu l-vetturi li jduru lejn Triq is-Sur ma wiċċhom u mhux dejjem jieqfulhom.
Residenti oħra li jgħixu qrib ta’ Ġnien Reggie Miller qalu li tista’ tinħoloq konġestjoni tat-traffiku għaliex kulħadd se jkollu jgħaddi minn triq dejqa, li hija Triq Blondell.
Dwar din il-possibilità ma sarx studju ma’ Transport Malta.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma xi kunsilliera fil-Kunsill tal-Fgura, fejn uħud jaqblu mat-tibdil li sar u oħrajn jaqblu kemmxejn inqas.
Kunsillier sostna li “bil-prattika tkun tista’ tara l-andament tat-tibdil li sar u jekk is-sistema ma taħdimx tista’ tinbidel mill-ġdid”.
Tkellimna wkoll mal-eks Sindku tal-Fgura, Darren Marmara li ma jaqbilx li s-central strip infetħet għaliex hija perikoluża.
Qal li l-iktar soluzzjoni sempliċi kienet tkun li Triq Bormla, li hija parallela ma’ Triq is-Sur issir one way fid-direzzjoni l-kontra li hi fil-preżent.
Enfasizza li b’dan il-mod tiftaħ il-periferija u taqta’ l-konġestjoni tat-traffiku miċ-ċentru tal-lokalità.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fil-passat il-Kunsill Lokali tal-Fgura kellu l-ħsieb li fl-inħawi flok tinfetaħ is-central strip kien se jiġi pprovdut numru limitat ta’ parkeġġ ġdid.