Ritratti: Inawgurati l-ewwel dgħajjes tal-qdif kostali f’Malta

Ritratti: James Galea / DOI

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna inawgura l-ewwel dgħajjes tal-qdif kostali tat-tip C1X f’Malta. Dawn ġew iffinanzjati b’donazzjoni mill-Fond tal-Kawżi Ġusti lill-Klabb tal-Qdif tal-Università ta’ Malta.

Il-Ministru Edward Scicluna qal, “Hu pjaċir tiegħi li nara li l-isport ġewwa l-Università ta’ Malta qiegħed dejjem iżjed jiżdied. Ħafna drabi l-istudenti jkollhom nuqqas ta’ mezzi f’dawn it-tip ta’ sport li huma meqjusa bħala ‘elite’. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn l-Università ta’ Malta issa ser ikollha l-isport tar-rowing stabbilit, fuq standards internazzjonali, u kemm l-istudenti u kif ukoll l-istaff ta’ din l-istituzzjoni issa jistgħu jibdew jitħarrġu f’dan l-isport.”

Il-Ministru Scicluna ħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet non-governattivi kollha, speċjalment taż-żgħażagħ, sabiex jersqu ’l quddiem bil-proġetti tagħhom sabiex jingħataw għajnuna finanzjarja permezz tal-Fond tal-Kawżi Ġusti. Dawn it-tip ta’ inizzjattivi miż-żgħażagħ huma importanti ħafna għaliex barra fl-edukazzjoni, iż-żgħażagħ jikbru anke fil-personalità tagħhom għall-ġid tal-komunità.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, qal li kemm l-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u kif ukoll l-għaqdiet sportivi mmexxija mill-istudenti, jagħtu kontribut siewi għall-isports akwatiċi f’Malta. B’madwar 200 kilometru u 56 kilometru ta’ kosta madwar Malta u Għawdex rispettivament, il-gżejjer joffru diversi opportunitajiet għall-ipprattikar ta’ dawn l-isports min-nisa u rġiel, u din id-donazzjoni tiffaċilita dan kollu.  

Min-naħa tagħha, il-president tal-Klabb tal-Qdif tal-Università ta’ Malta, Rebecca Caruana, semmiet kif il-klabb sostna tkabbir kbir matul is-sena li għaddiet. Fl-istaġun 2019/2020, ġew investiti iktar minn €17,000 f’dan l-isport, b’aktar spazju għat-titjib, kemm għall-qdif ta’ ġewwa u kif ukoll mal-kosta.

Dan l-investiment għandu jservi sabiex jagħti bidu għall-isport tal-qdif kostali f’Malta. Dawk l-istudenti u ħaddiema tal-Università jew tal-Junior College li huma interessati li jibdew jitħarrġu f’dan l-isport għandhom jibgħatu email fuq uomrowing@gmail.com.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.