Ritratti: Inawgurata waħda mill-akbar bnadar fuq residenza f’pajjiżna

Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Lulju, in-nies ta’ Ħal Luqa ċċelebraw il-festa ad unur il-padrun tar-raħal Sant’ Andrija.  Din is-sena l-festi qed ikunu ċċelebrati b’mod differenti mis-soltu.  Fil-fatt l-istatwa ta’ Sant’ Andrija kienet waħda minn tal-ewwel li kienet ċelebrata fil-jum li kien pjanat qabel il-pandemija.

Għalkemm ir-raħal ta’ Ħal Luqa ma kienx imżejjen bħalma jkun issoltu f’jum il-festa, l-imħabba tad-dilettanti baqgħet tinħass. Fost dawn id-dilettanti hemm Malcolm Muscat, li f’jum il-festa ra l-ħolma tiegħu ssir realtà, hekk kif wara ħafna taqtiegħ ta’ qalb inawgura l-bandiera l-ġdida fuq ir-residenza tiegħu. 

Malcolm huwa l-kaxxier tas-Sezzjoni Żgħażagħ Ajklieri u jaħdem qatiegħ għall-festa.  Din is-sena l-volontarjat kellu jieqaf ukoll minħabba l-pandemija hekk kif anke l-każini tal-banda kellhom jagħlqu l-bibien tagħħhom.  Imma dan ma qatax qalb iż-żagħżugħ Malcolm, li nsista biex, anke jekk kontra l-kurrent, jara li l-bandiera titlesta għall-festa ta’ din is-sena, li ma kellux ħjiel kinitx se ssir jew le.

Il-bandiera b’Sant’ Andrija fin-nofs, kbira 28 pied b’41 pied, twaħħlet ma’ arblu twil 60 pied, perpret għall-ewwel darba wara li kienet imbierka mill-Wisq Rev. Kan. Michael Zammit, Kappillan ta’ Ħal Luqa.  Id-disinn tal-bandiera huwa ta’ Silvio Pace, bil-pittura tkun fdata f’idejn Noel Debono, bil-grandiment, il-ħjata u l-isfumar f’idejn Redrian u Abigail Micallef. 
Possibilment din hija waħda mill-akbar bnadar li hi mtellgħa fuq bini residenzjali.

Għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Ministru Silvio Schembri, is-Sindku John Schembri u l-kunsillera, flimkien ma’ bosta ħbieb u dilettanti tal-festa.