Ritratti: Inawgurata l-istatwa ta’ ‘San Ġużepp ix-Xiħ’

L-istatwa inkurunata ta’ San Ġużepp bil-Bambin Ġesù, magħrufa bħala ta’ ‘San Ġużepp ix-Xiħ’, ġiet inawgurata wara proċess ta’ restawr estensiv.
Fi stqarrija, il-Bank of Valletta (BOV) li appoġġjat ir-restawr qalet li ċ-ċerimonja saret fil-Katidral tal-Imdina.
Skont il-BOV, x’aktarx li din hija l-eqdem statwa ta’ San Ġużepp f’Malta. Qalet li l-istatwa kienet rigal lill-Arċkonfraternità ta’ San Ġużepp mill-ewwel Granmastru ta’ Malta Philippe Villiers de l’Isle Adam.
Il-BOV spjegat li l-istatwa mill-ewwel ingħatat qima mill-komunità Maltija u n-nies kienu jduru lejha meta l-gżira kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli bħall-pesta, it-tifqigħa tal-kolera u n-nixfiet numerużi matul is-snin.
Fi kliem il-BOV, l-istatwa kienet tinsab fi bżonn serju ta’ restawr professjonali, liema xogħlijiet ġew fdati f’idejn Atelier del Restauro.
Valentine Lupo minn Atelier del Restauro spjega li l-proċess ta’ restawr beda fl-2015 bi studji estensivi mwettqa fuq l-istatwa u li ntemmu b’xogħol prattiku estensiv fuq l-istatwa, bit-tneħħija ta’ diversi saffi ta’ żebgħa fuq xulxin, il-mili ta’ partijiet nieqsa u bir-restawr jintemm b’passata uniformi għal dehra estetikament pjaċevoli.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-BOV Mario Mallia qal li “bħala ċittadin responsabbli fi ħdan din il-komunità, il-Bank of Valletta jissostanzja dan l-impenn billi jappoġġja numru ta’ proġetti taħt il-programm tal-komunità tal-Bank”.
Ritratti: BOV