Ritratti: Imutu 18 f’inċident bejn ferrovija u trakk

Tmintax-il persuna mietu filwaqt li iktar minn 260 persuna sfaw midruba meta ferrovija fl-Afrika t’Isfel ħadet in-nar wara li sewwieq ta’ trakk ma waqafx mad-dwal tat-traffiku, li kien qed jixgħel aħmar, u pprova jaqla’ lill-ferrovija. 
Madwar 700 passiġġier kienu rekbin fuq il-ferrovija li telqet minn Port Elizabeth lejn Johannesburg.
Wieħed mill-passiġġieri qal li s-sewwieq tat-trakk, li kien qed jiġbed żewġ trejlers warajh, ipprova jaħrab minn fuq il-post iżda l-Pulizija rnexxielhom jilħquh u arrestawh.
Il-vaguni tal-ferrovija ħadu n-nar mal-ewwel impatt bejn iż-żewġ vetturi.
Is-servizzi tal-emerġenza waslu fuq il-post ftit minuti wara li seħħ l-inċident biex jitfu n-nirien, iżda ma rnexxielhomx isalvaw lill-passiġġieri kollha.
L-uffiċjali li qed jinvestigaw il-każ qed ibassru li n-numru ta’ vittmi se jkompli jiżdied.