Read in English.
Raġel ta’ 32 sena li jaħdem f’ħanut tal-logħob f’Birkirkara kien involut f’serqa li saret mill-istess stabbiliment.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li żewġ persuni ġew arrestati b’rabta mas-serqa li saret l-Erbgħa filgħodu fi Triq il-Wied.
L-Erbgħa filgħodu għat-8.15am il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm serqa minn ħanut tal-logħob. Meta waslu, il-pulizija sabu lill-impjegat ta’ 32 sena residenti Ħ’Attard. Dan spjega li kien għadu kemm ħareġ mill-istabbiliment b’basket flus.
Allega li malli kien se jpoġġih fil-karozza, waqaf ħdejh mutur. Qal li s-sewwieq tal-mutur ħareġ sikkina u ħadlu l-basket. Wara, il-ħalliel ħarab minn fuq il-post.
“Minn investigazzjonijiet intensivi li saru fis-sigħat ta’ wara l-allegat serqa, irriżulta li fis-serqa hemm l-involviment tal-istess impjegat, flimkien mal-allegat ħalliel, raġel ta’ 42 sena residenti l-Gżira. Iż-żewġt irġiel ġew arrestati u fl-aħħar sigħat, wara diversi tfittxijiet f’garaxxijiet u residenzi privati, il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali sabu l-mutur li ntuża fis-serqa, kif ukoll parti kbira mill-flus misruqa, li ħafna minnhom kienu moħbijin f’partijiet tal-mutur,” qal il-Korp tal-Pulizija.
Intqal li s-serqa ġiet solvuta mill-Pulizija f’inqas minn 48 siegħa. Dan wara li analizzat diversi filmati ta’ kameras tas-sigurtà.
Iż-żewġt irġiel se jitressqu l-Qorti llum.