Ritratti: Ilmenti dwar toroq maqlugħin f’Għawdex; Il-Kunsill jgħid li ma ġiex ikkonsultat

Residenti fir-Rabat Għawdex ilmentaw ma’ Newsbook.com.mt  li Triq l-Arċisqof Pietru Pace u l-inħawi ilhom żmien twil maqlugħin b’konsegwenza  li qed jinqalgħu ħafna trabijiet u qed ikun ta’ detriment għas-saħħa tagħhom, b’mod partikolari għat-tfal.
Is-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi spjega ma’ Newsbook.com.mt li l-Kunsill Lokali ma kienx infurmat b’dan ix-xogħol u li r-responsabbiltà hi tal-Enemalta. Saħaq li l-Kunsill ma ġie kkonsultat fl-ebda fażi u x-xogħlijiet mhumiex isiru bl-approvazzjoni tiegħu. Tenna li x-xogħlijiet qed jaffettwaw għadd ta’ toroq prinċipali fosthom Triq Għajn Qatet, Wesgħa Vincenzo Latini u Triq Pomepj.
Madankollu min-naħa tagħha l-Enemalta qalet li l-ħidmiet fit-toroq qed isiru skont il-permessi maħruġa mill-awtoritajiet konċernati, inkluż dawk tat-toroq u tal-awtoritajiet ta’ ħarsien tal-wirt storiku. Stqarret li entitajiet konċenati oħra, fosthom il-Kunsill Lokali, jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet li jagħtu l-permess għax-xogħol.
Ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Enemalta spjegat li x-xogħlijiet min-naħa tagħha tlestew iżda flimkien magħha kien hemm entitajiet oħra li qed jagħmlu xi xogħlijiet. Tenniet li qed titkellem ma’ dawn l-entitajiet sabiex jingħata wiċċ ġdid lit-toroq malajr kemm jista’ jkun.
Spjegat li x-xogħlijiet saru biex jitkabbar u jissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Għawdex.
Saħqet li l-Enemalta segwiet il-proċeduri stabbiliti sabiex isir ix-xogħol u sostniet li x-xogħlijiet saru skont il-permessi maħruġa mill-awtoritajiet konċernati. Temmet tgħid li x-xogħlijiet saru taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi minħabba li fl-inħawi jista’ jkun hemm fdalijiet arkeoloġiċi.
Ritratti: info@newsbook.com.mt