Ritratti: Ilma ta’ kwalità għall-għelieqi ta’ 600 bidwi

Ritratt: DOI

Ġie inawgurat impjant tan-new water fix-Xgħajra, proġett li minnu se jibbenefikaw kważi 600 bidwi fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Eenerġija, huma saħqu li dan l-impjant huwa t-tielet u l-ikbar impjant f’Malta. Huma żiedu jgħidu li sewa €10 miljun, li ġew kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Dan l-impjant se jirċievi 80% tad-drenaġġ f’pajjiżna u l-ilma li kien jintrema l-baħar. Imbagħad, dan jiġi trattat permezz ta’ tliet stadji biex jiġi msaffi f’ilma ta’ kwalità għolja biżżejjed biex jintuża għall-irrigazzjoni, landscaping, u għal ċertu tip ta’ industriji, skont il-Ministeru.

Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi saħaq li dan l-ilma jgħaddi minn testijiet rigorużi ħafna li jagħtu kull sigurtà neċessarja lil kull min jużah, u huwa ta’ kwalità eċċellenti li jiżboq il-livelli neċessarji Ewropej.