Ritratti: “Ilhom ma jiġbru l-iskart 10 ijiem; żibel ta’ 70 familja”

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li munzell ta’ skart ilu jinġema fi Triq Quintinus fil-Qawra mill-4 ta’ Marzu.
Ir-residenti tal-Qawra tkellmu u spjegaw li fiż-żona fejn qed jinġema’ dan l-iskart hemm ħames blokok li fihom jiġbru mas-70 appartament li kollha jiġġeneraw ammont sostanzjali ta’ skart.
Ir-residenti nsistew li każijiet bħal dawn ilhom jiġru għal sentejn sħaħ, u li l-iskart li jinġema mhux biss boroż, iżda wkoll saqqijiet, siġġijiet u mwejjed imkissrin, fost affarijiet oħra.
Filwaqt li jammettu li r-rimi ta’ skart goff b’dan il-mod parzjalment ġej minħabba rresponsabbilità ta ċertu residenti, li ma jimxux mal-istruzzjonijiet tal-Kunsill Lokali, sostnew li mhux qed isir ġbir tal-iskart normali minn din iż-żona.
Komplew jgħidu kif il-kennies li suppost inaddaf din iż-żona mhux qed jagħmel xogħlu u li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar mhux qed jisma’ t-talbiet tagħhom.
Rigward il-każ, Newsbook.com.mt ikkuntattja l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Madanakollu, sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma ngħatatx tweġiba.