Ritratti: “Ilħaqna l-mira li kellna” – Julia Farrugia Portelli

Ritratti: DOI

L-attività ‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq’ li ttellgħet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet attirat lejn dan il-post pittoresk eluf ta’ nies. Ġie kkalkulat li ftit inqas minn 2,500 għamlu użu mis-servizz tat-trasport ċirkolari b’xejn li kien strumentali biex ikun evitat it-traffiku u n-nuqqas ta’ post biżżejjed għall-ipparkjar. Tul il-jumejn mijiet oħrajn niżlu Wied iż-Żurrieq billi wżaw mezzi ta’ trasport oħrajn. Gawdew ukoll minn dawn l-attivitajiet ammonti sostanzjali ta’ turisti.

L-attività, li kienet mifruxa fuq jumejn, is-Sibt u l-Ħadd, kienet tinkludi mawriet bid-dgħajjes tat-turisti sal-Blue Grotto. Tul il-jumejn saru aktar minn 2,000 vjaġġ b’dawn id-dgħajjes. Il-programm kien wieħed imżewwaq ħafna u kien jaħseb għall-familja kollha, minn kbar sa żgħar, laqat diversi aspetti li varjaw minn logħob għat-tfal għal dawk kulturali, fosthom bi żjarat fit-Torri ta’ Xutu, il-wirjiet ta’ InGuardia u l-parteċipazzjoni taż-żewġ soċjetajiet mużikali tal-Qrendi.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għas-suċċess miksub b’din l-attività. “Ilħaqna l-mira li kellna, li noffru tmiem il-ġimgħa rilassanti lill-familji Maltin f’post mill-isbaħ. Irrid nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil kull min ta sehmu, partikolarment lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, biex din l-attività kienet suċċess u li mlietna bil-kuraġġ biex norganizzaw aktar attivitajiet simili, li jgħinu biex inkomplu insaħħu t-turiżmu f’din il-parti tal-pajjiż,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Sadattant il-pubbliku huwa mgħarraf li s-servizz ċirkolari tat-trasport pubbliku b’xejn lejn Wied iż-Żurrieq qed ikun offrut mill-Ħamis sal-Ħadd mill-10 ta’ filgħodu sa nofs il-lejl bi frekwenza ta’ madwar 20 minuta. Żewġ xarabanks immarkati ‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq’ jiġbru passiġġieri minn San Niklaw/Il-Qasam qrib is-Siġġiewi u minn żewġ pjazez ewlenin, dik tal-Qrendi u ż-Żurrieq. F’San Niklaw inħolqu spazji ta’ parkeġġi għal min ikun irid iħalli l-karozza tiegħu hemm u b’hekk tkun indirizzata l-isfida offruta mill-problema ta’ parkeġġ f’Wied iż-Żurrieq.