Ritratti: Il-viżta pastorali fi Fleur-de-Lys tasal fi tmiemha

knisja.mt/ritratti

Read in English.

Waslet fi tmiemha l-viżta pastorali fi Fleur-De-Lys, b’Quddiesa mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu. Għal din iċ-ċelebrazzjoni attendew ukoll il-komunità Filippina u Indjana li jattendu għall-Quddies hemmhekk.

Il-viżta pastorali bdiet bi żjara lill-komunità ta’ Dar Ħanin Samaritan fejn jgħixu membri anzjani tas-soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M). Fil-ġranet ta’ wara, l-Isqof Galea-Curmi kellu l-opportunità jiltaqa’ mat-tfal, l-adolexxenti, il-katekisti u l-operaturi pastorali tal-parroċċa kif ukoll żar uħud mill-parruċċani ta’ Fleur-de-Lys f’darhom. L-Isqof żar tliet komunitajiet tal-ordnijiet reliġjużi li hemm fil-parroċċa: is-sorijiet Karmelitani, Agostinjani u dawk ta’ Ulied il-Qalb ta’ Ġesù.

Fil-jiem tal-viżta pastorali, l-Isqof Galea-Curmi żar ukoll iċ-ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani, l-iskola Santa Monika mmexxija mis-sorijiet Agostinjani, u l-iskola primarja ta’ Santa Venera. Matul dawn iż-żjarat l-Isqof kien akkumpanjat mill-kappillan, Patri Martin Schembri O. Carm.