Filmat: Sejħa mill-Arċisqof għall-Knisja umli, ferrieħa u kuraġġuża

Fi tmiem tal-ewwel Assemblea Djoċesana tiegħu bħala Arċisqof, Monsinjur Charles Scicluna preżenta l-viżjoni tiegħu għall-Knisja Maltija għas-sena li ġejja li fiha se jkun iċċelebrat il-Ġublew tal-Ħniena.
Lil sala mimlija bin-nies, fil-Mosta, l-Arċisqof saħaq li jrid Knisja umli u ferrieħa iżda anke kuraġġuża li ma taqtax qalbha milli twassal it-tagħlim tagħha.
“Irrid Knisja żagħżugħa imma għarfa,” qal Monsinjur Scicluna. “Fuq kollox irrid Knisja missjunarja.”
Dwar dan, f’kummenti lil Newsbook.com.mt, l-Arċisqof spjega li fis-sena tal-Ġublew, il-Knisja se tesperjenza it-tgħanniqa tal-Imħabba t’Alla.
Din l-istess ħniena u mħabba, il-Knisja jeħtieġ li taqsamha mal-oħrajn, kompla jgħid Monsinjur Scicluna. Dan anke billi l-Knisja tagħraf l-opinjonijiet u l-weġgħat ta’ ħaddieħor, u tiddjaloga magħhom. Il-Bieb tal-ħniena miftuħ fil-Katidral, għandu jfisser Knisja inklussiva li fiha hemm post għall-kulħadd, qal Monsinjur Scicluna.
“Ma għandiex dritt nimponu iżda għandna dritt nitkellmu,” kompla l-Arċisqof. “Ma rridux nissupervjaw iżda lanqas naċċettaw li ma ninstemgħux.”
L-Arċisqof spjega li l-Knisja trid tifhem is-soċjetà u r-realtajiet li magħha trid titkellem, anke jekk dawn jidhru aktar diffiċli mill-oħrajn.
“Anke persuni LGBT jesprimu għatx fundamentali għall-imħabba,” qal l-Arċisqof waqt li saħaq li r-rwol tal-Knisja hu li tara kif Kristu jista’ jidħol u jdawwal din l-imħabba.
Fil-kelma “Evanġelizzazzjoni,” Monsinjur Scicluna ġabar il-viżjoni kollha li jrid għall-Knisja.
Saħaq li l-ewwel u qabel kollox, kull Nisrani, mill-Isqof għal-lajk, jeħtieġ jitlaq mill-Kelma t’Alla u jħalliha ċċanfru. Meta jagħmel hekk, in-Nisrani jitgħallem jgħix dak li tgħidlu l-Kelma t’Alla u għalhekk ikun jista’ jwassalha lil ħaddieħor.
Fakkar li n-Nisrani huwa mgħammed, u dan ifisser li l-eżistenza tan-Nisrani għandha tkun kollha f’Ġesù Kristu u għalhekk Kristu jsir il-kriterju tal-għażliet tiegħu.
“Jeħtieġ infissru liż-żgħażagħ x’jiġifieri li tiżżewweġ fil-Mulej,” spjega l-Arċisqof, fost eżempji oħra.
Fl-aħħarnett, Monsinjur Scicluna semma wieħed wieħed lill-kollaboraturi tiegħu. Fost dawn ħabbar li għamel żewġ vigarji episkopali. Dun Rene Camilleri li se jkun il-Vigarju Episkopali għall-Evanġelizazzjoni, filwaqt li Monsinjur Charles Cordina se jkun il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija.

Ritratti: Photocity
Filmat: Reel8 Productions