Ritratti: Il-vittmi tad-droga m’humiex kriminali

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li trid tinħoloq sistema fejn il-vittmi tad-droga ma nħarsux lejhom bħala kriminali iżda bħala persuna li għandha bżonn l-għajnuna.
Owen Bonnici kien qed jitkellem waqt seminar organizzat mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista dwar il-white paper imressqa mill-Gvern għar-riforma tal-liġijiet dwar id-droga.
Il-Ministru qal li hawn bżonn li l-abbuż tad-droga jiġi avviċinat b’mod iktar olistiku.
Enfasizza li d-droga hi ħażina u l-pieni kontra dawk li jbigħu d-droga għandhom jiħraxu.
Żied jgħid li d-dħul li l-Gvern jagħmel mill-inizjattivi kontra l-abbuż tad-droga għandhom jintużaw sabiex jgħinu lill-vittmi.
Dwar il-Qorti tad-droga, Owen Bonnici qal li bini separat mhux se jsolvi l-problema u sostna li jekk fil-konsultazzjoni li qed issir mal-pubbliku jirriżulta li l-poplu jixtieq qorti tad-droga, il-Gvern lest li jikkunsidra din il-proposta.
Staqsa għalfejn persuna li m’għadhiex dipendenti fuq id-droga tispiċċa tingħata sentenza ta’ priġunerija u għamel enfasi fuq l-importanza li tingħata l-opportunità li persuna tirriforma ruħha u tintegra lura fis-soċjetà.
Is-seminar kien indirizzat ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li tkellem fuq il-bżonn li nifhmu iktar għalfejn in-nies jieħdu d-droga, għaliex din hi l-għeruq tal-problema.
Busuttil qal ukoll li x-xjenza tgħin nifhmu r-raġunijiet għalfejn persuna tieħu d-droga ripetutament u tagħti wkoll lill-politiċi bażi fuq x'hix jibbażaw l-azzjonijiet tagħhom.
Għamel referenza għal studju li juri kif il-vittmi jiltaqgħu ma’ iktar drogi meta jidħlu fid-detenzjoni u li meta joħorġu jsibu ħafna diffikultajiet. 
Żied jgħid li llum nifhmu li l-istat hu parti minn soċjetà u li ma jistax jagħmel kollox waħdu. 
Simon Busuttil qal li importanti nifhmu li rridu nnaqqsu l-effetti negattivi tad-droga, kemm lil min jabbuża, lill-familji tagħhom u s-soċjetà.
Temm billi qal li l-problema tad-droga hi waħda kumplessa u li tevolvi l-ħin kollu u l-importanti li tiġi indirizzata bil-ħsieb u mhux bl-islogans.