Ritratti: Il-Vatikan miksi bil-borra

Il-kundizzjoni tat-temp fil-biċċa l-kbira tal-ibliet Ewropej qed tiggrava hekk kif matul din il-ġimgħa mistenni front kiesaħ mil-Lvant.
Dan il-front kiesaħ mil-Lvant qed jissejjaħ “beast from the East” li miegħu se jġib il-borra u t-temperaturi fl-ibliet tat-Tramuntana tal-Ewropa se jkunu taħt iż-żero.
Ritratti li waslulna mill-Vatikan juru Pjazza San Pietru, il-Kolossew u l-bqija tas-siti importanti f’Ruma, kollha miksija bis-silġ, kawża tal-borra li niżlet matul il-lejl u fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Dawn il-kundizzjonijiet kiefrin tat-temp wasslu biex l-Ajruport ta’ Fiumicino jopera b’runway waħda filwaqt li l-ajruport iżgħar ta’ Ruma, Ciampino kellu jingħalaq il-Ħadd biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jnaddfu r-runway biex seta’ jerġa’ jiftaħ it-Tnejn filgħodu.
Il-linja tal-ajru Ryanair li tuża’ dan l-ajruport b’mod frekwenti qalet li kkanċellat it-tijiriet kollha minn u lejn l-ajruport ta’ Ciampino filwaqt li ġie rreġistrat dewmien fit-tijiriet l-oħra lejn ajruporti oħra Taljani.
Il-pulizija Taljana talbet lir-residenti biex jibqgħu fi djarhom, iżda dan ma waqafx lin-nies milli jieħdu l-opportunità li jgawdu ġlieda bis-silġ fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.