Ritratti: Il-Vatikan kif qatt ma rajnieh qabel

Ritratt: Mediaset

Illejla fid-9.20pm fuq l-istazzjon Canale 5 se jitwassal dokumentarju mill-isbaħ dwar is-sbuħija tal-Vatikan u matulu jitwassal tagħrif dwar opri artistiċi li juru l-kobor tal-ġenju tal-bniedem f’dan il-qasam. Il-preżentatur u attur Cesare Bocci jibda l-vjaġġ tiegħu mill-Pjazza ta’ San Pietru, mill-284 colonna ta’ Bernini. Wara jibqa’ sejjer sal-Bażilika, is-simbolu tal-fidi Nisranija.

Imbagħad bis-saħħa tad-drones, naraw kollox mill-ajru — xeni li qatt ma konna naħsbu li naraw mill-għoli. Naraw mill-qrib kif jidher l-obelisk li hemm imwaqqaf fil-Pjazza ta’ San Pietru kif ukoll il-gallarija li jfeġġ fiha papa meta jkun elett.

Cesare Bocci tħalla jidħol f’postijiet fil-Vatikan li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku. Iżda l-ikbar dispjaċir tiegħu, jgħid ir-raġel, hu li ma kellux l-opportunità li jiltaqa’ mal-Papa Franġisku.

Ma jistax jonqos li waqt dan il-vjaġġ ta’ tiftix fil-Vatikan ma tingħatax titwila lill-Kappella Sistina fejn hemm impittra  Il-Ġudizzju Universali u It-Twelid ta’ Adam   xogħlijiet ta’ Michelangelo.

Il-preżentatur jirrakkonta wkoll avvenimenti storiċi li seħħew fil-Vatikan, fosthom l-attentat fuq il-ħajja ta’ Papa Gwann Pawlu II u l-elezzjoni ta’ Papa Franġisku. Il-Kardinal Angelo Comastri, il-Vigarju tal-Papa, jirrakkonta wkoll fatt li qatt għadu ma ntqal dwar episodju li seħħ waqt il-funeral tal-Papa Gwann Pawlu II.

Ma’ Cesare Bocci tidher ukoll Barbara Jatta, id-direttriċi tal-Mużewijiet tal-Vatikan.