Ritratti: Il Segreto mill-bidunett

Ritratt: Uffiċju stampa: Mediaset

Nhar is-Sibt li ġej fit-2.50pm Canale 5 se jkun qed ixandar l-aħħar episodju mis-sensiela Spanjola Il Segreto. Dan ifisser li b’differenza mis-snin ta’ qabel matul dan is-sajf mhux se jkunu qed jitwasslu aktar puntati ġodda minn din is-sensiela li qiegħda toqrob lejn it-tmiem, wara li proprju ftit tal-ġimgħat ilu intweriet l-aħħar puntata fi Spanja.

Iżda d-dilettanti ta’ Il Segreto mhux se jispiċċaw b’xejn għax proprju min-nhar it-Tnejn 22 ta’ Ġunju fit-3.30pm se jkunu qed jerġgħu jixxandru l-puntati tal-bidunett ta’ din is-sensiela.

Filwaqt li Canale 5 qed iwiegħed li se jkun qed ikompli jxandar il-puntati ‘l ġodda aktar il-quddiem, l-episodji li se jkunu qed jixxandru ta’ kuljum se jeħduna lura fi Spanja tal-1896 bl-istorja ddur madwar Pepa li tkun taħdem mal-koppja Carlos u Elvira.

Pepa għandha karattru sod, iżda minkejja dan issir tħobb lil Carlos. Hi toħroġ tqila minnu, proprju fl-istess żmien li Elvira toħroġ ukoll tqila.

Iżda t-tarbija ta’ Elvira tmut, u Carlos japproffitta ruħu biex jibdel it-trabi wara li jisfa’ mhedded minn martu li tkun se tkeċċih ‘il barra.

Dawn il-puntati xxandru oriġinarjament għall-ewwel darba fi Spanja fi Frar tal-2011.