Ritratti: Il-qamar jinki lill-Amerikani; Meta se jittanta lil Malta?

Ilbieraħ il-Qamar deher jittanta lill-Amerikani. Ħafna ppreparaw sewwa biex ikunu jistgħu jaraw, mingħajr ma jweġġgħu għajnejhom, l-eklissi totali li għal ftit minuti ħalliet lill-Istati Uniti fi dlam ċappa f’nofs ta’ jum.
Waqt l-eklissi totali tal-bieraħ, il-qamar għatta kompletament ix-xemx. Minkejja li l-qamar huwa xi 400 darba iżgħar mix-Xemx , il-fatt li huwa 400 darba eqreb jippermetti li darba fil jgħatti x-Xemx kompletament.
Il-Qamar ma jdurx mad-dinja bl-istess mod li jdur max-Xemx. Kieku dan kien il-każ, l-eklissi totali sseħħ kull meta jkun hemm Qamar ġdid.  
L-orbità tal-Qamar hija inklinata u għalhekk xi kultant jgħaddi ‘il fuq u xi kultant taħt ix-xemx u għalhekk tinħoloq dik li tissejjaħ l-eklissi parzjali, li hija ħafna aktar komuni minn dik totali jew solari.
Meta jseħħ eklissi totali, ix-Xemx, il-Qamar u d-Dinja jkun lineali u l-Qamar jidher kważi l-istess daqs tax-Xemx.
Il-fatt ukoll li l-orbiti tad-Dinja u l-Qamar mhumiex ċirkulari, il-qies tal-Qamar u tax-Xemx kif jidhru jvarjaw. Fil-fatt, hemm drabi oħra meta l-Qamar jidher iżgħar mix-Xemx u jkun hemm eklissi annulari.
L-eklissi anilari hija dik li Malta, skont in-Nasa, se tkun qed tesperjenza fil-21 ta’ Ġunju tal-2020.
Dakinhar, kif spjegat, il-Qamar se jgħaddi bejn ix-Xemx u d-Dinja imma se jidher iżgħar mix-Xemx, jiġifieri madwaru se tibqa’ jidher bħal ċirku tan-nar kif spjegat fl-istampa.
Biex tara eklissi totali fadallek ftit x'tistenna. Malta se tkun l-aħjar pajjiż biex wieħed jesperjenza l-eklissi solari tal-21 ta' April tal-2088.

Ritratt 1: BBC
Ritratti oħra: Nasa