Ritratti: Il-Prim Ministru jinawgura x-shooting range f’Ta’ Kandja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura x-shooting range ġdida f’Ta’ Kandja.
Fi stqarrija, Muscat qal li Malta se tkun qed tospita għall-ewwel darba t-Tazza tad-Dinja tal-Isparar f’dan il-post.
Muscat ltaqa’ mat-tiraturi li se jirrappreżentaw lil Malta fit-Tazza tad-Dinja u segwihom fl-azzjoni waqt esebizzjoni tad-dixxiplini tat-trap u skeet.
Dan is-sit se jkun qed joffri wkoll it-tisħiħ tal-forzi dixxiplinati biex il-membri tagħhom ikollhom l-iktar mezzi sofistikati għat-taħriġ. F’din iż-żona hemm bażi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati.
Il-Prim Ministru semma kif, fl-isport tal-isparar, l-atleti Maltin huma ta’ livell internazzjonali u li ħaqqhom infrastruttura ta’ livell internazzjonali.
Qal li l-Gvern qed jaħdem ukoll fuq korsa taż-żwiemel ġdida, trakka tal-motor sport u pixxina indoor, fost oħrajn.
Stqarrija tal-FKNK
Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kienet kuntenta bl-aħbar. Qalet li tispera li tkun tista' torganizza avvenimenti tal-isparar u anki tospita avveniment Ewropew tal-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Sparar Sportiv b’Armi tan-Nar tal-Kaċċa fid-dixxiplina tal-Compak Sporting li jattira mijjiet ta’ kompetituri mill-57 pajjiż affiljati mal-FITASC. 
Ritratti: DOI – Jason Borg