Filmat: Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-President tal-KE fi Brussell

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab Brussell għal ġurnata fejn dalgħodu ltaqa' mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, fejn iddiskutew temi ta' interess bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Fosthom il-Libja, l-Ukraina, it-tassazzjoni, il-futur tal-Ewro kif ukoll l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Il-Prim Ministru qal li s-sitwazzjoni fil-Libja qed issir iktar u iktar serja u għandha tingħata attenzjoni ħafna ikbar fl-Unjoni Ewropea.
Żied jgħid li l-Ewropa għandu jkollha rwol fil-mod ta’ kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni fil-Libja.  Ġiet diskussa wkoll is-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa fl-Ukraina u dwar passi ulterjuri li tista' tieħu l-Unjoni Ewropea.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-bżonn li kwistjonijiet ta' tassazzjoni jibqgħu kompetenza ta' membri stati bħala prinċipju sagrosant kif speċifikat fit-trattati tal-Unjoni Ewropea.
Dwar l-aħħar żviluppi bl-elezzjoni tal-Partit tax-Xellug Syriza fil-Greċja, il-Prim Ministru qal li jemmen li għandu jkun hemm xi forma ta' flessibiltà iżda f'qafas fejn ma jintmissx min iħallas it-taxxi.
Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker fejn sostna li pajjiżna b'mod konsistenti qed jilħaq il-miri tad-defiċit, kif ukoll fl-istess ħin pajjiżna qed jara tkabbir ekonomiku konsistenti.
Dan għandu jwassal biex pajjiżna ma jibqax taħt il-proċedura ta' Excessive Deficit Procedure.
Ġiet diskussa wkoll ma’ Juncker is-sitwazzjoni fil-Libja fejn il-Prim Ministru qal li l-Libja għaddejja minn żminijiet diffiċli ħafna u l-Ewropa ma tistax ma tagħtix l-importanza li hemm bżonn lejn dan il-pajjiż li jinsab riesaq lejn problemi serji ta' tmexxija.
Joseph Muscat ressaq ukoll il-punt dwar l-immigrazzjoni rregolari u qal li din għadha problema għal Malta u sostna li hemm bżonn li l-pajjiżi membri jgħinu b'mod konkret il-pajjiżi Ewropej l-aktar milquta minn dan il-fenomenu.
Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-Kummissarju Ewropew Malti, Karmenu Vella. 

Ritratt u Filmat: DOI/Clifton Fenech