Ritratti: “Il-Prim Imħallef il-ġdid għandu l-valuri meħtieġa” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coliero Preca qalet li l-Prim Imħallef il-ġdid Joseph Azzopardi għandu l-kapaċitajiet u l-valuri meħtieġa biex, skont hi, b’ħidma imparzjali, integra, u trasparenti, jmexxi lill-qasam tal-ġustizzja għal-livell li jmiss permezz ta’ riformi meħtiega.
Il-President qalet dan fl-okkażjoni tal-ħatra tal-Prim Imħallef Dr Joseph Azzopardi.
Filwaqt li rringrazzjat lill-Prim Imħallef Emeritus Dr Silvio Camilleri, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ferħet lill-Prim Imħallef il-ġdid Joseph Azzopardi għal din il-ħatra kostituzzjonali importanti. 
Il-President saħqet li jinħtieġ  li tikber il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna għas-serħan tal-moħħ ta’ kulħadd, għaliex fuq kollox hekk titlob id-demokrazija.
Hija qalet ukoll li minkejja li l-kwistjoni tad-dewmien fil-Qrati qed tiġi indirizzata, jinħtieġ li nassiguraw li s-sistemi proċedurali fil-Qrati ma jintużawx biex ixekklu l-kisba tal-ġustizzja fl-iqsar żmien. Hawn semmiet li dan il-fatt jorbot intrinsikament mal-aċċess għall-ġustizzja bħal fil-każ fejn jidħlu t-tfal u vittmi ta’ vjolenza domestika, fost oħrajn.  
Il-President Coleiro Preca rreferiet għal talbiet li qed isirulha minn nisa li għaddew minn esperjenza mill-agħar ta’ vjolenza domestika u li wara li rnexxielhom isibu l-kuraġġ biex jirraportaw u jinqatgħu minn din il-ħajja ta’ biża, iħossu li ċerti sistemi, inkluża tal-Qorti minħabba d-dewmien, ġabithom vittmi għal darb’oħra.
Għaldaqstant, il-President appellat biex ir-riformi li hemm bżonn isiru ħalli jiġi assigurat aċċess għall-ġustizzja aħjar għal ċerti gruppi ta’ ċittadini, u li għandhom jitwettqu fl-iqsar żmien fl-aħjar interess tad-demokrazija u għall-benefiċċji ta’ dawk li jeħtieġu l-ġustizzja.
Ritratti: OPR