Ritratti: Il-President ta’ Malta jiddiskuti l-isfidi soċjali fi Krakovja

Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Krakovja Marek Jedraszewski waqt żjara ta’ tliet ijiem fil-Polonja. Huma iddiskutew l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà Ewropea u kif qed jiġu affettwati l-valuri li jħaddnu l-Ewropej.

Il-President Vella ħa sehem fil-kommemorazzjoni tal-75 sena mill-ħelsien ta’ Auschwitz-Birkenau min-Nażisti.

Huwa ltaqa’ wkoll mas-Sindku ta’ Krakovja, Jacek Majchrowski. Il-President Vella kien mistieden jindirizza lill-istudenti ta’ Jagiellonian University, li hija l-eqdem waħda fil-Polonja u fost l-iktar prestiġġjużi fl-Ewropa, u tkellem dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun l-isfidi li qed tiffaċċja bħalissa d-dinja, fosthom tal-bidla fil-klima, il-faqar, it-traffikar tan-nies, u s-sigurtà. 

Meta kien f’din l-Università, il-President Vella kellu taħditiet mar-Rettur dwar il-possibilità ta’ koperazzjoni u skambji ta’ akkademiċi u studenti bejn Jagiellonian University u l-Università ta’ Malta. Il-President kellu l-opportunità wkoll li jżur il-binja storika tal-Università u l-Biblijoteka li fost oħrajn fihom oġġetti uniċi u prezzjużi li naqqxu l-istorja tal-kontinent Ewropew.