Ritratti: Il-President ta’ Malta bi żjara statli fil-Bulgarija

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca u l-President tal-Bulgarija Rumen Radev, fetħu l-impenji relatati maż-żjara tal-istat fil-Bulgarija.
Il-President Coleiro Preca tkellmet dwar kif din iż-żjara tagħha fil-Bulgarija hija opportunità għaż-żewġ pajjiżi biex ikomplu jintensifikaw ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali bejniethom.
Hi fakkret ukoll fil-ħames Memoranda ta’ Ftehim  li se jiġu ffirmati bejn l-entitajiet kummerċjali u edukattivi Maltin u  dawk Bulgari fejn saħqet li dan l-iffirmar huwa evidenza tal-ħeġġa qawwija lejn il-ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi.
B’referenza għall-motto li ntgħażlet mill-Bulgaria għall-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa ‘United we stand strong’, li tfisser ‘fl-għaqda nkunu b’saħħitna’, il-President ta’ Malta saħqet li jekk il-pajjiżi jaħdmu flimkien u jkollhom għanijiet komuni hemm ċans ikbar ta’ unjoni iktar kompetittiva u li tippromwovi l-għaqda.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta saħqet li huma l-pożizzjonijiet ġeografiċi strateġiċi ta’ Malta u l-Bulgarija li jagħmluhom ideali sabiex jikkollaboraw u għaldaqstant iddiskutew bosta setturi fejn il-pajjiżi jistgħu jikkollaboraw b’referenza għas-servizzi finanzjarji, tal-logħob diġitali u edukazzjoni, kif ukoll taħriġ fl-oqsma tas-saħħa, loġistika u t-turiżmu fost oħrajn.
Ritratti: DOI – Kevin Abela