Filmat: Il-PM jżur kamp ta’ 89,000 refuġjat mis-Sirja

Fil-Ġordan, il-Prim Ministru Joseph Muscat żar kamp tar-refuġjati li qed jilqa’ madwar 89,000 refuġjat mis-Sirja.
Il-kamp, magħruf bħala AlZa’Atari, hu mmexxi mill-Gvern tal-Ġordan, bl-assistenza tal-UNHCR, il-Unicef u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP).
Il-Prim Ministru ddawwar ma’ diversi bnadi tal-kamp u żar fost l-oħrajn skola u sptar.
F’kummenti lill-mezzi tax-xandir il-Prim Ministru qal li l-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Ġordan tikkonferma li għandu jkun hemm impenn internazzjonali ikbar biex tissolva l-kriżi fis-Sirja.
Spjega li l-impenn muri mill-Gvern tal-Ġordan bl-għajnuna tal-UNHCR, il-Programm Dinji tal-Ikel u tal-Unicef hu impressjonanti, filwaqt li appella lill-kommunità internazzjonali, inkluż lill-UE, biex tibqa’ ġġib il-kwistjoni tal-immigrazzjoni fuq quddiem fl-aġenda tagħha.
Tenna li Malta se tibqa’ tagħmel pressjoni biex l-UE tgħin aktar pajjiżi bħall-Ġordan u l-Libanu li, spjega, qed jagħmlu sforz kbir biex jilqgħu u jżommu fosthom eluf ta’ refuġjati.
Ritratti: DOI – Clifton Fenech