Ritratti: Il-passa tal-għasafar mil-lenti ta’ fotografu

Il-Fjamingi huma fost l-ewwel speċi li jitfaċċaw fil-passa tal-ħarifa, spiss fl-eqqel tas-sajf

Meta grupp ta’ persuni jitfgħu ħarsithom fuq xi ħaġa, il-probabbiltà tkun li kull individwu jgħaddilu ħsieb li, ftit jew wisq, ivarja minn tal-kumplament. Konvint li meta wieħed jirrifletti ftit fil-fond lejn kif in-nies tħares lejn l-għasafar f’pajjiżna, jiskopri diversi sfumaturi, u mhux sempliċiment tnejn, favur jew kontra l-kaċċa. Il-frażi “jien inħobb l-għasafar” jaf ikollha qawsalla ta’ interpretazzjonijiet, b’waħda minnhom tgħodd għalija: it-tgawdija tal-ħbieb tagħna miksija bir-rix permezz tal-kamera tar-ritratti.

L-għasafar kienu parti minn ħajti sa minn ċkuniti, bir-razza u r-radika jipprattikaw il-kaċċa u l-insib b’mod pjuttost akkanit. Dan aktarx wittieli t-triq biex in-namra lejn l-għasafar tikber matul is-snin, iżda f’waqt partikolari f’ħajti ħassejtni f’salib it-toroq. Bdejt niġi dejjem aktar konxju li l-mod kif jiena kont qiegħed ingawdi l-għasafar, aktar kien qed ifixkel milli jgħin lill-istess ħlejjaq li tant jaffaxxinawni. Li ngħix mingħajr l-għasafar żgur ma kinitx soluzzjoni għalija, għalhekk bdejt naħseb f’alternattiva ta’ kif stajt inkompli nagħmel dak li tant inħobb, iżda b’mod li ma jkunx ta’ kuntrarju għall-għasafar. Kien f’dan iż-żmien partikolari ta’ ħajti li bdejt nesperimenta fil-fotografija, liema pass wassalni biex niskopri perspettiva totalment ġdida, imma fl-istess ħin relatata, ma’ dak li kont imdorri nagħmel.

Nammetti li fil-bidu kont se naħbat naqta’ qalbi għaliex ftit li xejn kelli ħiliet fotografiċi, u għaliex inzertajt eżatt fi żmien tranżitorju għall-fotografija. Mill-ewwel kelli niddeċiedi jekk immurx għall-konvenzjonali, inkella għad-diġitali, li dak iż-żmien kien għadu fi stadju rudimentali. L-għażla waqgħet fuq id-diġitali, u minn meta xtrajt l-ewwel kamera sal-lum, ma ħaristx lura, intejjeb l-għodda fotografika minn żmien għal żmien b’dak li jipermettu s-suq u l-but.

Limitu ta’ kemm wieħed jonfoq f’apparat fotografiku tista’ tgħid ma jeżistix, iżda jekk wieħed jagħmel naqra kalkoli, għandu jsib dak il-kompromess li jippermettilu jidħol f’dan il-passatemp. Meta nħares lejn l-apparat li kont nuża fil-passat kważi nitbissem, iżda meta niftakar kemm l-istess apparat tani sodisfazzjon dak iż-żmien, dlonk nirrealizza kemm l-avvanz fit-teknoloġija, inkluż dik fotografika, għaddej b’pass mgħaġġel.

Jekk għadek bidu fil-fotografija, nissuġġerilek tibda b’apparat modest, għax inħoss li matul iż-żmien, ix-xogħol waħdu jurik. Kull meta nbiddel xi element mill-apparat fotografiku, permezz tal-prattika, niprova niskopri l-potenzjal tal-għodda li jkolli f’idi, biex b’hekk inkun nista’ nagħmel l-almu kollu tiegħi biex, b’mod realistiku, nilħaq il-livell mixtieq.

Ħsieb li dejjem iberren f’moħħi jgħidli li r-ritratt li jmiss se jkun aħjar mill-aqwa ritratt li diġà ħadt, għalhekk, nieħu kemm nieħu ritratti nibqa’ dejjem għatxan għal xi ħaġa aħjar. Ritratt jista’ jkun sabiħ għax jirnexxilek taqbad għasfur rari għall-Gżejjer Maltin, iżda jaf ukoll ikun sabiħ għaliex jirnexxilek taqbad għasfur komuni f’kompożizzjoni, jew poża, partikolari. Fil-fotografija tal-għasafar, qatt ma jkollok ċans ieħor biex tiġbed l-istess ritratt. Ritratt simili jista’ jkun li tieħu, iżda jekk tlift iċ-ċans li taqbad mument, tliftu darba għal dejjem. Dan jagħti laqta speċjali lil dan il-passatemp partikolari, li minbarra s-sodisfazzjon li tgawdi l-għasafar madwarek, joffri possibbiltà biex taqbad mument li, eżatt meta ħadt ir-ritratt, jkun għadda darba għal dejjem.

Ikolli nammetti li personalment ma nikkunsidrax lil pajjiżna bħala post ideali biex persuna tipprattika l-fotografija tal-għasafar, madanakollu, wara dawn is-snin kollha nipprattika dan id-delizzju, għadni mimli b’ħeġġa biex kull ċans li jkolli, nerħilha ’l barra għal aktar għasafar, u possibbilment aktar ritratti. Id-densità tal-popolazzjoni dejjem tikber, il-firxa tal-bini li bħal donnha ma tafx limitu, storbju u dawl eċċessiv, kif ukoll ċertu attitudni minn Maltin oħra meta jarawk b’kamera tar-ritratti u tromba fil-kampanja, huma kollha ntoppi li b’mod jew ieħor, itappnu l-pjaċir ta’ min jagħżel li jgawdi l-għasafar f’pajjiżna permezz tal-fotografija. Inħoss li trid ċertu perseveranza biex tkampa.

Il-maġġoranza tal-ispeċi li niltaqgħu magħhom f’pajjiżna huma migratorji, jiġifieri jżuruna matul il-passa. Fir-rebbiegħa, ħafna speċi ta’ għasafar jitilqu mill-kontinent Afrikan lejn l-Ewropa biex ibejtu, biex imbagħad jerġgħu lura lejn l-Afrika fil-ħarifa. Grazzi għall-pożizzjoni ġeografika tagħna, għalkemm għal żmien pjuttost qasir, nistgħu ingawdu lista twila mhux ħażin ta’ speċi ta’ għasafar. In-numru ta’ għasafar tal-passa li wieħed jara jiddependi ħafna mit-temp, u għalhekk huwa diffiċli biex wieħed jippjana meta se tkun ġurnata tajba. Mhux l-ewwel darba li wara ġimgħa ma jidher kważi xejn, il-kampanja Maltija timtela għasafar sempliċement għaliex ikun dar ir-riħ. Ovvjament, aktar ma persuna toħroġ, aktar jikber iċ-ċans li jkollha opportunitajiet ta’ ritratti, iżda jgħin ukoll meta wieħed jidra jifhem liema temp hu aktar favorevoli għal dak il-perjodu tas-sena.

Minbarra t-temp, iż-żmien tas-sena huwa wkoll element kruċjali għall-fotografu tal-għasafar. Mhux li kemm tgħid “matul il-passa”, għaliex passa tkun maqsuma f’diversi fażijiet. Pereżempju, l-hekk imsejħa passa tal-ħarifa tibda ferm aktar kmieni għal ċertu għasafar, ġimgħat qabel dik ta’ speċi oħra, għalhekk nissuġġerixxi ktieb tajjeb tal-għasafar ta’ Malta biex b’hekk wieħed ikun konxju liema speċi hemm ċans jintlemħu. Jekk fotografu jkun jaf liema għasafar ikunu qed ipassu dak iż-żmien, ikun jista’ jagħżel il-post fejn imur. Dan għaliex ħafna għasafar huma marbuta ma’ ambjent partikolari, allura taf tkun ġurnata eċċellenti iżda xorta waħda ma tara xejn, sempliċiment għaliex tkun f’ambjent ħażin.

Importanti wkoll tkun konxju tal-ħin. Ċertu speċi għandhom tendenza jidhru f’ħin partikolari, imbagħad bħal kważi b’maġija, jisparixxu matul il-kumplament tal-jum. Pereżempju, jaf ikun hemm għexieren ta’ Kwakk fis-siġar tal-Buskett matul il-jum, iżda jekk trid tipprova tieħu ritratt tagħhom, trid tkun fil-post ma’ nżul ix-xemx, meta jibdew jittajru ħalli jerħulha għal għonq it-triq lejn id-destinazzjoni tagħhom ’il bogħod minn xtutna.

Huwa minnu li meta nilmħu xi ħaġa li nkunu nixtiequ neħdulha ritratt, nimxu lejha b’mod awtomatiku, iżda jekk is-suġġett huwa għasfur, nissuġġerixxi mod ieħor. Ħlief għal ftit speċi li ma jitnaffrux bil-preżenza umana, normalment għasfur jippreferi jżomm ċertu distanza mill-bniedem, għalhekk ikun aħjar li tintasab ma’ xi ħajt, taħt xi siġra, jew ġo xi ‘hide’, u tistenna li l-għasfur jiġi lejk, mhux il-kontra. Ritratt sabiħ juri l-għasfur f’pożizzjoni naturali, u mhux imwaqqaf għax ikun lemħek.

Ingredjent fundamentali fil-fotografija tal-għasafar f’pajjiżna, speċjalment matul il-pases, huwa l-paċenzja. Wara ritratt sabiħ jaf ikun hemm sigħat sħaħ ta’ stennija. Jekk persuna tippretendi li se toħroġ fil-kampanja Maltija u tibda tieħu r-ritratti bl-addoċċ, naħseb li  tkun wisq pożittiva. Ġieli jkun hemm ġranet verament tajbin, li bilkemm tieħu nifs minn ritratt għal ieħor, iżda dan żgur mhux in-norma.

Nemmen li biex persuna tirnexxi fil-fotografija tal-għasafar, irid ikollha tagħrif kemm fuq l-għasafar kif ukoll fuq il-fotografija, speċjalment f’pajjiż bħal tagħna fejn ħafna mill-għasafar narawhom biss waqt il-passa. Ħafna għarfien fuq waħda iżda mhux fuq l-oħra jaf ma jkunx biżżejjed biex tieħu l-massimu minn dan id-delizzju. Illum il-ġurnata għandna minjiera ta’ sorsi minn fejn persuna tista’ ttejjeb l-għarfien tagħha, kemm dwar l-għasafar f’pajjiżna kif ukoll dwar il-fotografija. Fejn tirrigwarda l-fotografija, normalment il-problema tkun li tant hemm informazzjoni u tagħlim, li persuna tiġi bejn ħaltejn minn fejn se tibda. Jiena nissuġġerixxi letteratura li tkun speċifikament marbuta mal-fotografija tal-għasafar.

Personalment, il-fotografija hija għodda li permezz tagħha jirnexxili niffriża mument, liema mument imbagħad inkun nista’ naqsmu ma’ ħaddieħor. Bħala edukatur, nemmen ħafna li l-viżwal għandu rwol essenzjali biex wieħed jirnexxilu jwassal messaġġ b’mod effettiv. Mingħajr il-fotografija, kien ikun prattikament impossibbli għalija naqsam dak li kelli x-xorta nesperjenza matul is-snin, speċjalment minħabba l-fatt li biex ingawdi l-għasafar mill-viċin, kważi dejjem inkun mistoħbi xi mkien waħdi.

Illum il-ġurnata għaddew ħafna snin minn meta ħadt id-deċiżjoni li nżewweġ il-fotografija mal-imħabba tiegħi lejn l-għasafar, u għalhekk inħossni kunfidenti ngħid li kienet deċiżjoni pożittiva ħafna, u ninkoraġġixxi oħrajn jippruvaw din l-esperjenza.

Il-kampanja #onthemove

Din is-sena BirdLife Malta nidiet il-kampanja #onthemove biex tesponi s-sbuħija li jipprovdi l-ispettaklu tal-passa tal-għasafar fil-ħarifa. Il-kampanja għandha l-għan li tispira lill-pubbliku biex igawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar li jpassu minn fuq Malta tul il-ħarifa. Żur is-sit biex tiskopri aktar dwar din il-kampanja. Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ ukoll iniżżel l-għasafar li josserva f’formola li nħolqot apposta għal din il-kampanja.

Ritratt: Birdlife Malta

Dan it-tagħrif twassal minn Aron Tanti, fotografu tan-natura u membru ta’ BirdLife Malta.