Ritratti: Aħarbu mill-ksenofobija; għożżu liż-żgħażagħ – il-Papa fil-Litwanja

Hekk kif wasal il-Litwanja fil-bidu ta’ vjaġġ ta’ tlett ijiem fl-Istati Baltiċi, il-Papa Franġisku wissa bis-sħiħ kontra l-ksenofobija u ħeġġeġ lis-semmiegħa biex jgħożżu liż-żgħażagħ.

“Jekk nosservaw id-dinja madwarna nsibu li hemm aktar u aktar ilħna li qed jiżirgħu l-firda u l-konfrontazzjoni waqt li jipproklamaw li l-uniku mod possibbli biex tiggarantixxi s-sigurtà u l-kultura huwa billi telimina, tikkanċella jew tkeċċi lill-oħrajn. Ħafna drabi dan isir billi jiġu esplojtati sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ sigurtà jew sitwazzjonijiet ta’ kunflitt.”

Il-Papa kellem b’dan il-mod lill-awtoritajiet Litwani miġbura quddiem il-Palazz Presidenzjali.

Huwa kompla jgħid li l-Litwanja tista’ tagħti sehmha billi ġġib ‘il quddiem messaġġ ta’ merħba u aċċettazzjoni. Huwa fakkar it-tbatija tal-poplu kemm taħt l-okkupazzjoni Ġermaniża kif ukoll taħt il-kontroll tal-Unjoni Sovjetika.

Tistgħu ssiru pont li jgħaqqad

“Intom tistgħu ssiru pont bejn l-Ewropa tal-Lvant u dik tal-Punent jekk intom tmexxu d-djalogu, u sens ta’ ftuħ lejn l-oħrajn.”

Iż-żjara tal-Papa qed issir meta l-Istati Baltiċi qed ifakkru l-100 sena mill-indipendenza tagħhom u kwart ta’ seklu minn meta ħelsu mit-truppi Sovjetiċi.

Il-Papa semma li dan iċ-ċentinarju kien immarkat minn ħafna tbatija fosthom diportazzjonijiet, arresti u anke martirji. Huwa kompla li dawn it-tifkiriet għandhom jgħinu lill-pajjiż jilqa’ l-isfidi tal-lum.

“Aħna ma nafux x’se jiġri għada”, qal Franġisku, “iżda nafu li f’kull żmien hemm id-dmir illi kull sitwazzjoni ta’ sobgħa u inġustizzja tinbidel f’opportunità”.

Huwa faħħar il-poplu Litwan li tradizzjonalment ta’ merħba lill-popli oħra fosthom lir-Russi, lill-Pollakki u lit-Tartati u anke laqa’ reliġjonijiet differenti fosthom dik Kattolika, Lhudija jew Protestanta.

Politika favur iż-żgħażagħ

Huwa ħeġġeġ lil-Litwani li jkomplu jħaddnu t-tolleranza, l-ospitalità, ir-rispett u s-solidarjetà. Fl-istess waqt talab lill-awtoritajiet biex ifasslu politika li tgħin liż-żgħażagħ. Is-soċjetà għandha tkun tali, qal Franġisku, biex iż-żgħażagħ isibu x-xogħol u jikbru fl-ambjent fejn iħossu li jistgħu jkollhom rwol importanti ħalli jkattru l-ispirtu ta’ ospitalità lejn il-barrani, l-anzjani u lill-fqar.