Ritratti: Il-Papa Franġisku jieqaf jitlob fil-Moskea l-Blu

Fit-tieni ġurnata tal-vjaġġ tiegħu fit-Turkija, il-Papa Franġisku ħalla l-kapitali Ankara u mar Istanbul fejn żar u talab fis-skiet fil-Moskea l-Blu.
Ftit wara l-wasla tiegħu fil-Moskea, magħrufa bħala kapolavur tal-arkitettura Ottomana, il-Papa dar iħares lejn Mekka, rabat idu flimkien u waqaf għal żewġ minuti sakemm il-mexxejj tal-Iżlam f’Istanbul beda jitlob.
Aktar tard żar ukoll Hagia Sofia, li għal madwar 1,000 sena serviet bħala Katidral tal-Ortodossi, Moskea għal kważi ħames sekli u issa Mużew.
Illejla mistenni jintlaħaq il-qofol taż-żjara hekk kif il-Papa se jmexxi Quddiesa fil-Katidral tal-Ispirtu s-Santu u wara għar-raba’ darba jiltaqa’ mal-mexxej tal-Knisja Ortodosso, il-Patrijarka Bartilmew l.
Ilbieraħ filgħaxija, f’Ankara, il-Papa Franġisku ikkundanna l-vjolenza fl-Iraq u s-Sirja u ħeġġeġ djalagu bejn ir-reliġjonjiet biex jiġġieldu l-fanatiżmu u l-fundamentaliżmu.
Fit-Turkija hemm madwar 120,000 Nisrani filwaqt l-maġġoranza tat-80 miljun ċittadin huma Musulmani.
Franġisku huwa r-raba’ Papa li qed iżur it-Turkija wara l-Beatu Pawlu VI, San Ġwanni Pawlu II u l-Papa Emeritu Benedittu XVI. Angelo Roncalli, li aktar tard sar il-Papa Ġwanni XXlll, illum Beatu, kien serva bħala rappreżentant tas-Santa Sede fit-Turkija.