Ritratti: Il-miżuri meħudin fis-supermarkets

Miguela Xuereb

Read in English.

Bħal kull negozju ieħor li jrid jibqa’ miftuħ f’dawn iż-żminijiet minkejja l-pandemija tal-coronavirus, bħall-banek u l-ispiżeriji, is-supermarkets ukoll iridu jieħdu l-miżuri preventivi meħtieġa, speċjalment għax huma l-aktar post li jibqgħu jiffrekwentaw in-nies għax il-bżonn għall-ikel ma jonqosx.

Apparti mill-miżuri meħudin biex jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema, is-supermarkets ħadu għadd ta’ miżuri għas-sigurtà tal-klijenti tagħhom.

Għalhekk, jekk wieħed iżur is-supermarkets illum, iħossu f’sitwazzjoni kemxejn surreali meta hu u dieħel, iwaqqfuh biex joħdulu t-temperatura tad-deni, jara lil kulħadd liebes maskra, iżomm id-distanza, nies li jevitawk u ma jidħlux fl-istess naħa tal-ħanut sakemm ikun hemm xi ħadd ieħor. Is-supermarkets għandhom il-hand sanitisers fi rkejjen differenti wkoll biex in-nies inaddfu jdejhom qabel imissu t-trolleys.

Tabelli mal-bibien tas-supermarkets iħeġġu lil dawk li jħossu sintomi tal-influwenza jew tad-deni biex ma jidħlux. Naturalment, dawk li qegħdin kwarantina mhumiex permessi jidħlu, peress li dawn mhux suppost joħorġu minn djarhom.